Il-Parlament jappoġġa liġi biex jitnaqqas l-istorbju dannuż mit-traffiku  

Stqarrija 
 
 

Aqsam din il-paġna ma' ħaddieħor: 

Il-limiti tal-ħsejjes għall-karozzi se jsiru aktar stretti biex tiġi protetta s-saħħa pubblika, skont abbozz ta' liġi li ġie vvutat fil-Parlament nhar l-Erbgħa li għadda. Il-MPE rrakkomandaw ukoll li jiġu introdotti tikketti biex jinfurmaw lill-konsumaturi dwar il-livelli tal-ħsejjes ta' karozzi ġodda u li vetturi ibridi u elettriċi jiżdidilhom ħoss bħala sinjal ta' twissija għan-nies li jkunu mexjin fit-triq.


L-esponiment kontinwu għal livelli għoljin ta' ħsejjes mit-traffiku jista' jirriżulta f'eżawriment fiżiku, ifixkel il-funzjonament tal-organi u jikkontribwixxi għal mard kardjovaskulari u mard ieħor.  Riċerka mill-Aġenzija Ewropea għall-Ambjent turi li t-traffiku jesponi nofs il-popolazzjoni urbana tal-UE għal livelli ta' ħsejjes ta' 'l fuq minn 55 deċibel (db).


"L-impatt negattiv tal-istorbju mit-traffiku huwa ppruvat xjentifikament iżda l-proposta leġiżlattiva hija ffukata kollha kemm hi fuq l-istorbju ġġenerat mill-magni tal-vetturi. L-idea tiegħi kienet aktar wiesgħa mill-bidu. Jeħtieġ nindirizzaw fatturi oħra bħall-kwalità tal-qatran tat-toroq, l-aerodinamika u t-tajers", qal ir-rapporteur Miroslav Ouzký (ECR, CZ), wara li l-abbozz ta' leġiżlazzjoni ġie adottat b'401 vot favur, 228 kontra u 20 astensjoni. Issa huwa se jinnegozja ftehim mal-pajjiżi tal-UE.


Limiti tal-ħsejjes aktar stretti


L-abbozz ta' leġiżlazzjoni jipproponi li jiġu introdotti gradwalment limiti ġodda fi żmien sitt snin u tmien snin mid-dħul fis-seħħ tar-regolamenti l-ġodda. L-ewwel fażi tkun tapplika għall-mudelli ta' vetturi ġodda, it-tieni għall-vetturi ġodda kollha li jibdew joperaw.


Il-limitu għall-karozzi standard għandu jitnaqqas għal 68 db mill-74 db attwali. Vetturi ta' qawwa akbar għandu jitħallilhom marġni ta' bejn 2 u 6 deċibels aktar. Madankollu, il-MPE żammew il-limitu għat-trakkijiet tqal tal-akbar qawwa ('il fuq minn 12-il tunnellata) fil-livell ta' 81 db.


Il-MPE jirrikonoxxu li l-ħsejjes tal-vetturi huma affettwati wkoll mill-wiċċ tat-toroq, l-istorbju tat-tajers u l-aerodinamika.


Tikketti tal-ħsejjes


Il-Membri jridu wkoll li l-karozzi l-ġodda jiġu ttikkettjati dwar il-prestazzjoni tagħhom fir-rigward tal-ħsejjes sabiex il-konsumaturi jkunu informati. Jeżistu diġà skemi simili ta' tikkettjar għall-effiċjenza tal-fjuwil, l-istorbju tat-tajers u l-emissjonijiet ta' CO2.


Periklu sieket


Il-MPE huma mħassba li l-magni silenzjużi ta' karozzi elettriċi u ibridi jistgħu jkunu ta' theddida għan-nies li jkunu mexjin fit-triq u jridu li fil-ġejjieni jkun hemm rekwiżiti obbligatorji biex dawn il-vetturi jiżdidilhom ħoss ta' twissija. L-abbozz ta' leġiżlazzjoni jsemmi għadd ta' standards li l-ewwel iridu jiġu żviluppati għal tali sistemi akustiċi għat-twissija ta' preżenza ta' vetturi fit-toroq (Acoustic Vehicle Alerting Systems (AVAS)).


Proċedura:  Kodeċiżjoni (Proċedura Leġiżlattiva Ordinarja), l-ewwel qari