Il-Parlament jopponi prezz għola għall-"permess biex tniġġes"  

Stqarrija 
 
 

Aqsam din il-paġna ma' ħaddieħor: 

©Belga/DPA/J.Güttler  

It-Tlieta l-MPE ivvotaw kontra l-iffriżar tal-irkant ta' porzjon tal-kwoti tal-emissjonijiet tad-diossidu tal-karbonju (CO2), li għandu l-għan li jgħolli l-prezz tal-"permessi biex tniġġes" tal-UE. Il-maġġoranza ħassew li l-indħil fil-provvista ta' krediti jkollu effett negattiv fuq il-kunfidenza fis-Sistema tal-Kummerċ fl-Emissjonijiet, iddisinjata biex tnaqqas l-emissjonijiet ta' gassijiet serra. L-MPE ftehmu wkoll biex it-titjiriet interkontinentali jiġu temporanjament esklużi mill-iskema.


Il-proposta biex jiġu ffriżati l-krediti, l-hekk imsejjaħ "backloading", ġiet miċħuda b'marġinu dejjaq, b'334 MPE jivvotaw favur emenda li tiċhad il-proposta - 315 ivvotaw kontra l-emeda u 63 astjenew. Il-proposta issa tiġi riferuta lura lill-Kumitat għall-Ambjent tal-PE.


Il-MPE li opponew il-miżura jappoġġaw riforma aktar fil-fond tal-ETS u jibżgħu li l-indħil fil-provvista ta' krediti jista' ikollu effett negattiv fuq il-kunfidenza tal-atturi fl-iskema. X'uħud jemmnu ukoll li żieda fil-prezz tal-karbonju jkollu effett negattiv fuq il-kompetittività tal-industrija Ewropea u li dan imbgħad jgħaddu fuq il-kontijiet tal-enerġija tad-djar privati.


Mill-banda l-oħra dawk li jappoġgaw il-miżura argumentaw li provvista żejda ta' krediti trid tiġi kkoreġuta biex is-sistema taħdem kif maħsub. Jgħidu li prezz tal-karbonju aktar għoli jgħin it-tranżizzjoni tal-UE lejn ekonomija ħadra billi jiġu stimulati l-investiment u l-innovazzjoni, u jista' ukoll jgħin biex is-suq tal-karbonju tal-UE jikkonnettja ma' dawk ta' reġjuni oħra.


"Jiddispjaċini ħafna fuq il-vot ta' illum. Huwa l-bidu tar-ripatrijazzjoni tal-politika dwar it-tibdil fil-klima," qal ir-rapporteur tal-PE Matthias Groote (S&D, DE). "Din it-tip ta' politika tagħti vantaġġ lil dawk li huma xettiċi fuq it-tibdil fil-klima. Iċ-ċaħda tal-proposta tal-backloading iddgħajjef is-sistema tal-kummerċ fl-emissjonijiet tal-UE u tqiegħed f'riskju l-miri tagħna fuq it-tibdil fil-klima," żied jgħid.


Eżenzjoni tal-ETS għat-titijiriet interkontinentali


Abbozz ta' liġi separat, ppreparat minn Peter Liese (EPP, DE), ġie addottat b'577 vot favur, 114 kontra, u 21-il astensjoni. L-abbozz jinkludi ftehim mal-Kunsill biex jkun hemm sospensjoni tal-ETS għat-titjiriet interkontinentali, bil-għan li jiġi ffaċilitat il-progress lejn ftehim globali mal-Organizzazzjoni Internazzjonali tal-Avjazzjoni Ċivili (ICAO).


"Mill-1990, l-emissjonijiet tal-avjazzjoni rduppjaw. Qed jiżdiedu kontinwament," qal ir-rapporteur Peter Liese (EPP,DE). "L-oġġezzjonijiet minn pajjiżi barra l-UE biex jiġu inklużi fl-ETS mhumiex fondati. Aħna qed inwaqqfu l-arloġġ għax irridu niksbu qafas għal konvenzjoni dinjija fi ħdan l-ICAO. M'aħniex lesti li nżommu din id-deroga għal aktar minn sena." Talab lill-UE biex tisfida lis-Segretarju tal-Istat tal-Istati Uniti John Kerry waqt in-negozjati, u żied jgħid: "Wara l-abbozz ta' liġi Kerry-Liberman, jekk l-Istati Uniti ma tagħmilx sforz biex jintlaħaq ftehim mal-ICAO, is-Sur Kerry jitlef il-kredibilità."


Sfond


L-ETS, suq tal-karbonju li nħoloq fl-2005, poġġa limitu globali fuq l-emissjonijiet u dan qed jitnaqqas gradwalment fuq tul ta' żmien. Sal-2020, l-emissjonijiet minn setturi tal-industrija koperti mill-ETS ikunu 21% anqas milli kienu fl-2005. Taħt dan il-limitu, il-kumpaniji jirċievu jew jixtru il-krediti rkantati minn stati membri. Kreditu wieħed jikkorispondi għal tunnellata ta' emissjonijiet tad-diossidu tal-karbonju. Il-kumpaniji jistgħu ukoll ibiegħu l-krediti li ma ntużawx. Li tillimita il-provvista tal-krediti jiżgura li għandhom valur, u allura l-iskema tippremja lill-kumpaniji li jinvestu biex jillimitaw l-emissjonijiet.