Il-Parlament jadotta r-riforma biex jissaħħu l-banek tal-UE 

Stqarrija 
 
 

Aqsam din il-paġna ma' ħaddieħor: 

©Belga/MaxPPP/C.Zachariasen  

Il-Banek tal-UE ser ikollhom jissaħħu mill-1 ta' Jannar 2014. Bidliet għal-leġislazzjoni adottati mill-PE nhar it-Tlieta ser jillimitaw il-bonuses, ikabbru l-ħtiġijiet ta' kapital u jsaħħu s-superviżjoni. Dan il-pakkett ta' riforma, l-aktar komprensiv s'issa għandu jillimita r-riskju, isaħħaħ id-difiżi kontra l-kriżijiet u jgħin it-tkabbir billi jħeġġeġ il-banek isellfu lill-SMEs.


"Ir-regoli l-ġodda huma l-aktar ambizzjużi s'issa fil-qasam tar-regolazzjoni tal-banek fl-UE.  Is-single rule book il-ġdid għat-8,200 bank li hawn fl-UE huwa l-bażi li fuqha trid tinbena l-unjoni bankarja. Il-mekkaniżmu uniku ta' superviżjoni ser ikun is-saqaf.  Issa jeħtieġ li nżidu l-ħitan: il-qafas għar-riżoluzzjoni tal-banek u l-iskemi għall-garanzija tad-depożiti.  Bħala leġislaturi ma nirregolawx il-livelli tas-salarji.  Ir-regoli dwar il-bonuses ser iwasslu għal iżjed ġustizzja u trasparenza u ser jikkontribwixxu biex tinbidel il-kultura fid-dinja tal-banek", qal Othmar Karas (EPP, AT) l-MEP li mexxa n-negozjati mal-istati membri.



Bonuses


Biex jitnaqqsu l-attivitajiet eċċessivament riskjużi u spekulattivi il-bonus ta' persuna li taħdem f'bank m'ghandux jaqbeż is-salarju fiss.  Dan jista' jgħola għad-doppju tas-salarju fiss jekk l-azzjonisti japprovaw dan b'maġġoranza ta' mill-inqas 66% tal-azzjonisti li għandhom nofs l-ishma rrappreżentati, jew 75% tal-voti jekk ma jkunx hemm kworum.


Biex il-banek ikollhom perspettiva aktar fit-tul, minimu ta' 25% ta' bonus li jaqbeż is-salarju fiss, għandu jitħallas biss ħames snin wara li jiġi ingaġġat.


Ħtiġijiet ta' kapital u buffers


Il-banek tal-UE ser ikollhom jirriżervaw aktar kapital u ta' ogħla kwalità bħala difiża kontra żminijiet diffiċli.  Dan ser jeħtieġ minimu ta' 8% ta' kapital ta' kwalità tajba, li minn dan aktar min-nofs irid ikun kapital Tier 1, l-aħjar tip, bl-inqas riskju (irdoppjament mill-ħtieġa eżistenti). Il-kapital għandu jkun pjuttost likwidu, jiġifieri jista' jiġi mibdul fi flus kontanti malajr biex jistgħu jitħallsu d-depożitaturi u l-kredituri f'każ ta' emerġenza.


Il-banek ser ikollhom jibnu buffers biex jiġi assobrit telf u jiġi protett il-kapital filwaqt li buffer ieħor għandu jiżgura li fi żmienijiet tajbin jakkumulaw bażi ta' kapital xieraq li jkun jippermetti li jkun hemm self stabbli matul żminijiet diffiċli.


Self lill-ekonomija reali


Biex il-banek jiġu mħeġġa jsellfu lill-impriżi żgħar u medji, ser ikun hemm regoli li jnaqqsu r-riskju nominali li jkollhom jassenjaw għal dan it-tip ta' self.  Dan għandu jirriżulta fi tnaqqis tal-kapital li jkollhom jirriżervaw biex ikopru dan is-self, u b'hekk ikun hemm iżjed disponibbli għas-self.


Rappurtar u superviżjoni


Il-leġislazzjoni ser teħtieġ lill-banek biex jirrappurtaw il-profitti kollha tagħhom, kif ukoll it-taxxi li jħallsu u s-sussidji li jirċievu għal kull pajjiż fejn huma attivi.  Ikollhom jikxfu wkoll it-turnover u n-numru ta' impjegati.  Mill-2014, dawn iċ-ċifri jkollhom jiġu trasmessi lill-Kummissjoni filwaqt li mill-2015 ikollhom jagħmluhom pubbliċi.


Il-banek ser ikunu superviżati mill-awtoritajiet kompetenti tal-istati membri, flimkien mal-Awtorità Bankarja Ewropea, li ser tara' s-setgħat tagħha mkabbra.


Passi li jmiss


Ir-regoli issa jridu jiġu formalment approvati mill-Kunsill u għandhom japplikaw mill-1 ta' Jannar 2014.