Malala Yousafzai - rebbieħa tal-Premju Sakharov 2013  

Stqarrija 
 
 

Aqsam din il-paġna ma' ħaddieħor: 

Il-militanta Pakistanjana għall-edukazzjoni tal-bniet Malala Yousafzai hija r-rebbieħa tal- Premju Sakharov tal-Parlament Ewropew għall-Libertà tal-Ħsieb 2013. ©ISOPIX  

Il-militanta Pakistanjana għall-edukazzjoni tal-bniet Malala Yousafzai hija r-rebbieħa tal- Premju Sakharov tal-Parlament Ewropew għall-Libertà tal-Ħsieb 2013 wara d-deċiżjoni ta' nhar il-Ħamis tal-Konferenza tal-Presidenti (President tal-PE u l-mexxejja tal-gruppi politiċi). Hija ser tiġi mistiedna biex tirċievi l-premju matul ċerimonja fi Strasburgu fl-20 ta' Novembru.



Il-President Martin Schulz qal: "Bl-ippremjar ta' Malala Yousafzai, il-PArlament Ewropew jirrikonoxxi l-qawwa inkredibbli ta' din il-mara żgħażugħa. Malala tirrapreżenta d-dritt biex it-tfal kollha jirċievu edukazzjoni ġusta. Spiss dan id-dritt jiġi minsi fir-rigward tal-bniet. Peress li għada huwa l-Jum Internazzjonali tal-Tfal Bniet, nixtieq infakkar li xi 250 miljun bniet fid-dinja ma jistgħux jattendu l-iskola liberament. L-eżempju ta' Malala tfakkarna li għandna dmir u responsabbiltà biex nipproteġu d-dritt tat-tfal għal edukazzjoni. Dan huwa l-aħjar investiment għall-futur."




Is-Sinjura Yousafzai tat l-ewwel diskors tagħha f'Settembru 2008, intitolat "X'dritt għandu t-Taliban biex ineħħili d-dritt bażiku għal edukazzjoni?" Meta l-iskejjel tal-bniet kollha taħt il-kontroll tat-Taliban ingħalqu f''Jannar 2009, hija bdiet blog għall-BBC Urdu bil-psewdonimu ta' Gul Makai. Il-blog ġab il-fama għal Malala u l-ġlieda tagħha. Theddid sar lill-familja tagħha hekk kif l-identità tagħha nkixfet, u dan wassal għal attentat ta' qtil f'Ottubru 2012, meta rċiviet tiri f'rasha u għonqa minn suldati tat-Taliban meta kienet sejra lura d-dar f'bus tal-iskola.




Il- Premju Sakharov għall-Libertà tal-Ħsieb ingħata mill-Parlament Ewropew kull sena mill-1988 lil individwi jew organizzazzjonijiet li għamlu kontribut importanti għall-ġlieda għad-drittijiet tal-bniedem jew id-democrazija.