L-iskart mill-plastik: il-Parlament iwissi  

Stqarrija 
 
 

Aqsam din il-paġna ma' ħaddieħor: 

Skart fuq il-kosta oċeanika©BELGA/EASYFOTOSTOCK/T.OLSON  

Il-plastik l-aktar perikoluż u ċerti basktijiet u boroż tal-plastik għanhom jġiu pprojbiti sal-2020, bħala parti minn strateġija tal-UE biex jitnaqqas l-iskart mill-plastik fl-ambjent. Dan kien il-messaġġ tal-Parlament Ewropew f'riżoluzzjoni li għaddiet it-Tlieta. L-MEPs żiedu jgħidu wkoll li l-UE għandha tintroduċi miri li jorbtu dwar ir-riċiklaġġ tal-iskart mill-plastik.

Ir-riżoluzzjoni, li tappella għall-azzjoni wara green paper tal-Kummissjoni Ewropea, għaddiet b'turijja tal-idejn. Fiha l-MEPs saħqu li l-iskart mill-plastik jagħmel ħsara lill-ambjent, u dan kemm minħabba n-nuqqas ta' infurzar tal-liġijiet tal-UE dwar l-iskart, kif ukoll minħabba n-nuqqas ta' liġijiet speċifiċi tal-UE dwar l-iskart mill-plastik, minkejja l-ispeċifiċitajiet tiegħu.


L-MEPs ipproponew li fil-leġiżlazzjoni Ewropea għandu jkun hemm miri vinkolanti speċifiċi dwar il-ġbir u t-tqassim ta' ammont sa 80% tal-iskart. Għandu jkun hemm kriterji mandatorji dwar ir-riċiklaġġ, u oħrajn armonizzati dwar il-ġbir u t-tqassim tal-iskart biex b'hekk ikun żgurat li jkun hemm kompetizzjoni ġusta. Huma żiedu jgħidu li anki d-direttiva eżistenti dwar l-iskart mill-ippakkjar għandha tiġi riveduta.


Il-prijorità li nirriċiklaw u nużaw f'kompost


Il-Parlament appella lill-Kummissjoni Ewropea biex sa tmiem l-2014 tressaq proposti biex sal-2020 jinqata' r-rimi fil-landfills ta' skart riċiklabbli u li jista' jinġabar, u biex l-inċinerazzjoni ta' dan it-tip ta' skart tiġi skoraġġita.Ħeġġeġ ukoll biex l-iskart mill-plastik ma jintużax għall-irkupru tal-enerġija, sakemm ma jkunux ġew eżawriti l-possibbiltajiet l-oħra kollha.


L-MEPs jemmnu li l-plastik l-aktar perikoluż għandu jitneħħa mis-suq. Kull fejn hu possibbli għandu jinqata' l-użu ta' boroż u basktijiet tal-plastik li jintużaw ta' darba, li mhumiex riċiklabbli jew bijodegradabbli, u dawk li ma jistgħux jintużaw bħala kompost. Appellaw ukoll għal passi aktar sodi biex jiġu indirizzati l-esportazzjoni u r-rimi illegali tal-iskart mill-plastik.

 

Potenzjal ekonomiku konkret li għadu mhux esplojtat


L-MEPs saħqu li l-potenzjal ekonomiku tar-riċiklaġġ tal-plastik għadu mhux esplojtat biżżejjed. Fil-preżent huwa biss 25% tal-iskart mill-plastik li jiġi riċiklat. L-infurzar tal-leġiżlazzjoni tal-UE dwar l-iskart jista' jwassal biex jiġu ffrankati mat-€72 biljun fis-sena, jiżdied il-fatturat tal-intrapriżi li joperaw fil-qasam tal-iskart u r-riċiklaġġ bi €42 biljun, u jinħolqu aktar minn 400,000 impjieg sal-2020, qalu l-MEPs.


Aktar informazzjoni

 

Proċedura: riżoluzzjoni mhux leġiżlattiva