Il-Parlament Ewropew: ċittadinanza tal-UE m'għandhiex tkun għall-bejgħ 

Stqarrija 
Is-sessjoni plenarja 
 
 

Aqsam din il-paġna ma' ħaddieħor: 

Ebda stat membru m'għandu joffri ċittadinanza għall-flus, jgħidu l-MEPs©European Union 2014 - European Parliament  

Iċ-ċittadinanza tal-UE m'għandux ikollha prezz marbut magħha qal il-Parlament Ewropew f'riżoluzzjoni l-MEPs ivvutaw fuqha l-Ħamis. Huma wrew tħassib dwar skemi simili mwaqqfa f'diversi stati membri tal-UE, partikolarment Malta, li permezz tagħhom tinbiegħ iċ-ċittadinanza nazzjonali, u b'hekk anki dik tal-UE. Il-Parlament appella lill-Kummissjoni biex tgħid b'mod ċar jekk dawn l-iskemi jirrispettawx, fid-dritt u fl-ispirtu, it-trattati tal-UE u r-regoli tal-UE kontra d-diskriminazzjoni.

Xi stati membri daħħlu skemi li "direttament jew indirettament" iwasslu għall-"bejgħ" taċ-ċittadinanza tal-UE lil persuni minn pajjiżi terzi, minkejja li kull stat membru huwa mistenni li jaġixxi b'mod responsabbli biex iżomm mal-valuri u l-kisbiet tal-Unjoni. Dawn huma imprezzabbli u "ma jistax ikollhom prezz marbut magħhom", tgħid ir-riżoluzzjoni, li għaddiet b' 560 vot favur, 22 kontra u 44 astensjoni.


Il-bejgħ dirett taċ-ċittadinanza jimmina l-fiduċja reċiproka li fuqha hija mibnija l-Unjoni, tgħid ir-riżoluzzjoni.


Il-Parlament saħaq ukoll li d-drittijiet li jingħataw permezz taċ-ċittadinanza tal-UE, bħad-dritt tal-moviment u r-residenza ħielsa fi ħdan l-UE, m'għandhomx ikunu trattati bħala "prodott li jista' jiġi negozjat". It-test tar-riżoluzzjoni jgħid li ċ-ċittadinanza tal-UE timplika konnessjoni mal-UE u tiddependi mir-rabtiet li persuna għandha mal-UE u mal-istati membri tagħha jew mir-rabtiet personali ma' ċittadini tal-UE.


Barra minn hekk, skemi li jagħtu ċ-ċittadinanza abbażi ta' investiment "jippermettu li ċ-ċittadinanza tal-UE jakkwistawha biss il-persuni minn pajjiżi terzi li huma l-aktar sinjuri, mingħajr ma jiġu meqjusa kriterji oħra". Dan jimplika diskriminazzjoni, innota l-Parlament.


Malta mħeġġa tadatta l-iskema dwar iċ-ċittadinanza biex tkun konformi mal-valuri tal-UE


It-test jinnota li dan l-aħħar Malta ħadet passi biex tintroduċi skema dwar il-bejgħ dirett taċ-ċittadinanza Maltija, "li awtomatikament jimplika l-bejgħ taċ-ċittadinanza tal-UE in ġenerali mingħajr l-ebda rekwiżit ta' residenza ".


Barra minn hekk, lanqas huwa ċar jekk iċ-ċittadini Maltin humiex se jibbenefikaw minn din l-iskema, eż. permezz ta' dħul akbar mit-taxxi, għaliex l-investituri barranin ikkonċernati mhux se jkollhom iħallsu taxxa. "Iċ-ċittadinanza ma tinvolvix biss drittijiet imma ġġib magħha wkoll responsabbiltajiet", saħqu l-MEPs.


Il-Parlament appella lil Malta biex tadatta l-iskema dwar iċ-ċittadinanza biex tkun konformi mal-valuri tal-UE. L-istess għandhom jagħmlu stati membri oħrajn li daħħlu skemi simili li jippermettu l-bejgħ dirett jew indirett taċ-ċittadinanza tal-UE.


Dawn l-iskemi huma kompatibbli mar-regoli tal-UE?


Il-Parlament appella lill-Kummissjoni Ewropea biex tgħid b'mod ċar jekk dawn l-iskemi jirrispettawx, fid-dritt u fl-ispirtu, it-trattati tal-UE u l-Kodiċi tal-Fruntieri ta' Schengen, kif ukoll ir-regoli tal-UE kontra d-diskriminazzjoni. Talab lill-Kummissjoni toħroġ rakkomandazzjonijiet biex tipprevjeni milli skemi bħal dawn jimminaw il-valuri li fuqhom hija mibnija l-UE, kif ukoll il-linji gwida dwar l-għoti tal-aċċess għaċ-ċittadinanza tal-UE permezz ta' skemi nazzjonali.


 

Aktar informazzjoni

 

Proċedura: Riżoluzzjoni mhux leġiżlattiva