Regoli ġodda jiffaċilitaw il-konfiska ta' assi ta' kriminali madwar l-UE 

Stqarrija 
 
 

Aqsam din il-paġna ma' ħaddieħor: 

Konfiska ta' karozzi ussużi©BELGA/MAXPPP/P.Nosetto  

Il-Parlament nhar it-Tlieta approva regoli biex ikun aktar faċli li l-awtoritajiet nazzjonali jiffiriżaw u jikkonfiskaw assi ta' kriminali madwar l-UE. Sal-lum, jiġu ffriżati u kkonfiskati inqas minn 1% tal-assi miksuba minn reati bħat-traffikar tad-droga, l-iffalsifikar, it-traffikar tal-persuni u l-kutrabandu tal-armi. L-abbozz ta' liġi, diġà maqbul informalment mal-gvernijiet nazzjonali, huwa parti minn strateġija usa' tal-UE li tiġġieled il-frodi u l-korruzzjoni.

Il-konfiska tal-assi

L-abbozz jirrikjedi li l-pajjiżi membri jkunu jippermettu l-konfiska ta' assi kriminali wara li persuna tinstab ħatja b'mod finali. L-awtoritajiet ikunu jistgħu wkoll jikkonfiskaw assi anki jekk il-persuna suspettata jew akkużata tkun marida jew tkun ħarbet, per eż. permezz ta' proċeduri in absentia.

Aktar poteri ta' konfiska

Ir-regoli l-ġodda se jkunu jippermettu lill-pajjiżi membri jikkonfiskaw assi miksuba minn reati simili, fosthom f'każijiet ta' korruzzjoni attiva jew passiva fis-settur privat li tkun tinvolvi uffiċjali ta' istituzzjonijiet tal-UE jew tal-pajjiżi nfushom, parteċipazzjoni f'organizzazzjoni kriminali, pornografija li tinvolvi t-tfal jew reati fuq l-internet.

L-irkupru ta' assi migħand terzi persuni

Se jkunu jistgħu jiġu kkonfiskati assi mingħand terzi persuni meta dawk ikunu "jafu jew messhom ikunu jafu li l-għan tat-trasferiment jew l-akkwist kien li tiġi evitata l-konfiska, abbażi ta' fatti konkreti u ċ-ċirkostanzi, inkluż fejn it-trasferiment ikun sar b'xejn jew għal ammont inqas b'mod sinifikanti minn dak tas-suq”.

L-użu mill-ġdid tal-assi kkonfiskati għal skopijiet soċjali

Skont ir-regoli proposti, il-pajjiżi membri għandhom jikkunsidraw miżuri biex il-proprjetà kkonfiskata tkun tista' tintuża għal skopijiet ta' interess pubbliku jew soċjali.

Il-passi li jmiss

Dan il-ftehim mistenni jkun approvat formalment mill-Kunsill tal-UE fil-ġimgħat li ġejjin. Il-pajjiżi membri għandhom 30 xahar żmien biex idaħħlu d-direttiva fil-liġijiet nazzjonali tagħhom. L-Irlanda wkoll se tkun parteċipi f'dawn l-arranġamenti, filwaqt li r-Renju Unit u d-Danimarka le.

Aktar informazzjoni

Suġġett: Ġustizzja u Intern


Proċedura: Kodeċiżjoni (Proċedura Leġiżlattiva Ordinarja), qbil wara l-ewwel qari