Aċċess miftuħ għas-servizzi tal-internet u tneħħijja tal-miżati roaming  

Stqarrija 
 
 

Aqsam din il-paġna ma' ħaddieħor: 

"L-użu ta' mobajl għal telefonati, sms u l-internet meta tkun f'pajjiż ieħor tal-UE m'għandux jiswa iżjed milli f'pajjiżek, jgħidu l-MEPs " - ©BELGAIMAGE/MASTERFILE/K.Finlay  

Il-provdituri tal-aċċess għall-internet għandhom jiġu pprojbiti milli jimblukkaw jew ixekkllu ċerti servizzi skont l-aħħar abbozz tal-"pakkett telecoms" li ġie vvutat fil-PArlament nhar il-Ħamis. L-MEPs ivvutaw ukoll biex jitneħħew il-miżati roaming meta mobajl jintuża f'pajjiż ieħor tal-UE, mill-15 ta' Diċembru 2015.

Il-provdituri tas-servizzi tal-internet ser ikunu xorta waħda kapaċi jipprovdu servizzi speċjalizzati ta' kwalità ogħla dment li tali servizzi ma jippreġudikawx id-disponibbiltà jew il-kwalità tas-servizzi ta' aċċess għall-internet ofruti lil kumpanniji rivali.


L-MEPs irruċew il-lista' stabbilita mill-Kummissjoni ta' "każijiet eċċezzjonali" li fihom provditur tal-aċċess għall-internet ikun intitolat li jimblokka jew inaqqas il-veloċità tal-internet. L-MEPs jgħidu li tali prattiki għandhom ikunu permessi biss biex tiġi infurzata ordni tal-qorti, ippreżervata is-sigurtà tan-netwerk jew ipprevenut konġestjoni temporanja tan-netwerk. L-użu ta' tali "miżuri ta' ġestjoni tan-netwerk" għandu jkun "trasparenti, mhux diskriminatorju u proporzjonali" u m'għandhux jintuża għal iżjed żmien minn dak meħtieġ, iżidu l-MEPs.


L-MEPs jissottolinjaw li l-aċċess għall-internet għandu jiġi pprovdut skont il-prinċipju tan-"net neutrality", li jfisser li t-traffiku kollu tal-internet jiġi ttrattat indaqs, mingħajr diskriminazzjoni, restrizzjoni jew interferenza, b'mod indipendenti mill-persuna li tibgħat jew tirċievi, is-sura, il-kontenut, is-servizz jew l-applikazzjoni.


Tmiem tal-miżati roaming fl-2015

 

L-MEPs emendaw ukoll it-test biex daħħlu projbizzjoni fuq il-miżati roaming fl-UE kollha mill-15 ta' Diċembru 2015. Jekk madankollu is-servizzi tar-roaming jiġu abbużati, ikun hemm possibbiltà li jiġu applikati miżati limitati, jgħidu l-MEPs.


Passi li jmiss

 

Il-Parlament ivvota l-ewwel qari tal-abbozz tal-leġiżlazzjoni biex jikkonsolida l-ħidma li sar s'issa u jgħaddih lill-Parlament il-ġdid. Dan għandu jiżgura li l-MEPs il-ġodda jistgħu jiddeċiedu li ma jibdewx il-proċess mill-bidu, iżda minflok jibnu fuq dak li sar qabel.


 

Informazzjoni addizzjonali

 

 

Proċedura:  Ko-deċiżjoni, l-ewwel qari