IL-MALTA HOSPICE MOVEMENT JINGĦATA L-PREMJU EWROPEW GĦAĊ-ĊITTADIN 2014 

Stqarrija 
 
 

Aqsam din il-paġna ma' ħaddieħor: 

Il-Malta Hospice Movement se jingħata l-Premju Ewropew għaċ-Ċittadin għall-2014 għall-ħidma estensiva tagħhom fil-kura ta' mijiet ta' pazjenti u familji tul is-snin. L-organizzazzjoni ġiet nominata għall-premju ta' din is-sena mill-MEPs Maltin kollha flimkien, jiġifieri David Casa, Therese Comodini Cachia, Miriam Dalli, Roberta Metsola, Marlene Mizzi u Alfred Sant.

"Il-Hospice Malta onorata li ġiet nominata għal dan il-premju prestiġjuż mill-MEPs Maltin, qalet iċ-Chairperson Lora Cascun. "Din is-sena Hospice Malta qed tiċċelebra l-25 anniversarju tagħha. Mill-1989, għenna aktar minn 7500 pazjent u l-familji tagħhom tul l-esperjenzi diffiċli li għaddew minnhom. Din in-nomina tagħti lill-istaff tal-Hospice u l-voluntiera kollha inċentiv akbar biex ikomplu jipprovdu servizzi tal-ogħla kwalità lill-pazjenti u l-familji tagħhom."


It-tim għas-servizzi tal-kura tal-Hospice jirċievi aktar minn 50 referrals ġodda kull xahar u jassessja aktar minn 6500 każ fis-sena. Servizzi oħra ċentrali jinkludu terapija ta' kuljum u servizzi ta' respite, sostenn lil dawk li jitilfu lil persuni għeżież, kif ukoll self ta' tagħmir speċjalizzat.


Is-servizzi kollha jingħataw bla ħlas. "Bħala NGO, aħna responsabbli lejn il-pubbliku inġenerali u għalhekk irridu niżguraw użu effiċjenti tar-riżorsi tagħna", spjegat Cascun. "Għaldaqstant nużaw indikaturi ċentrali dwar l-operat tagħna biex inkejlu l-effettività u l-effiċjenza bil-għan li nkomplu nipprovdu servizz ta' kwalità għolja."


L-investiment fir-riżorsi umani u l-edukazzjoni fil-kura palljattiva huma ta' importanza kbira għall-Hospice Malta. Fil-fatt, huma jorganizzaw kors annwali li jwassal għal Ċertifikat Ewropew fil-Kura Palljattiva Essenzjali għat-tobba u l-infermiera, kif ukoll konferenza nazzjonali kull sentejn.


L-MEPs Maltin iddeċidew li jinnominaw din l-organizzazzjoni biex jippremjaw l-isforzi nobbli tagħhom fl-għoti tal-kura lil bosta pazjenti u l-familji tagħhom. Il-Hospice ipoġġi valur kbir fuq kull wieħed u waħda minnhom bħala individwi uniċi, irrispettivament mir-razza, reliġjon jew l-istil ta' ħajja tagħhom.


Iċ-ċerimonja ta' premjazzjoni ser issir f'Malta fis-6 ta' Frar 2015. In-nominati Ewropej mid-diversi pajjiżi mbagħad jintgħażlu mill-Kanċellerija stabbilita mill-Parlament Ewropew, ippresjeduta mill-President tal-istess Parlament. Ir-rebbieħa fuq livell Ewropew jitħabbru f'ċerimonja fi Brussell li ser issir fil-25 ta' Frar 2015.


 

Sfond

 

Il-Premju Ewropew għaċ-Ċittadin tnieda mill-Parlament Ewropew fl-2008 biex jiġu rikonoxxuti kisbiet eċċezzjonali minn persuni Ewropej. Il-Premju għaċ-Ċittadin jista' jingħata għal attivitajiet li jiffaċilitaw kooperazzjoni transkonfinali fl-UE jew li jippromwovu ftehim reċiproku aħjar u integrazzjoni eqreb bejn iċ-ċittadini u l-istati membri. Jista' jingħata għal attivitajiet ta' kuljum li jirriflettu l-valuri minquxa fil-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-UE.

 

Kull sena, kull MEP għandu d-dritt li jinnomina kandidat wieħed. Ir-rebbieħa fil-passat minn Malta jinkludu lil Chris Delicata (Federazzjoni Internazzjonali tad-Dijabete - Reġjun Ewropew), Dun Victor Grech (Dar tal-Providenza) u Puttinu Cares.