Il-Parlament japprova l-baġit tal-UE għall-2014 u l-2015 

Stqarrija 
 
 

Aqsam din il-paġna ma' ħaddieħor: 

Il-Parlament approva l-baġit tal-UE għall-2014 u l-2015  

Nhar l-Erbgħa l-Parlament approva l-abbozz tal-baġit tal-UE għall-2015 u żieda fuq dak tal-2014. Il-baġit jipprevedi €145.32 biljun f’impenji u €141.21 biljun fi ħlasijiet għall-2015, kif ukoll żieda ta’ €4.25 biljun biex jitħallsu l-kontijiet dovuti fl-2014.



“Jidher biċ-ċar li l-ammonti li qed naċċettaw jistgħu għallinqas jistabbilizzaw il-livell ta’ dejn Ewropew. Li jqawwili qalbu huwa l-pjan ta’ ħlas bil-ħsieb li jnaqqas l-ammont ta’ kontijiet mhux imħallsa”. Dan qalu l-President tal-Kumitat dwar il-Baġit Jean Arthuis (ALDE, FR), waqt l-aħħar dibattitu dwar il-baġit fis-16 ta’ Diċembru. “Il-gvernijiet kienu aċċettaw l-impenji politiċi imma mbagħad ma ħallsux dak li kien dovut. Għandna għalfejn nerġgħu nfakkru li l-ħlasijiet huma konsegwenza tal-impenji meħuda?” staqsa Arthuis.


Il-prijoritajiet tal-Parlament kienu li jkun hemm biżżejjed flus biex jitħallsu l-kontijiet pendenti l-aktar urġenti dovuti lil kuntratturi li qegħdin jaħdmu fuq proġetti ffinanzjati mill-UE fil-pajjiżi membri; li jkun hemm ftehim fuq pjan biex jitnaqqas l-ammont ta’ kontijiet akkumulati; u li jkun hemm investiment f’oqsma li l-istituzzjonijiet tal-UE prijoritizzaw fl-impenji politiċi tagħhom.


Ħlasijiet: €4.25 biljun aktar għall-2014, kompromess fit-triq tan-nofs għall-2015


In-negozjaturi tal-Parlament ħadmu għal aktar riżorsi biex jitħallsu l-kontijiet dovuti lil kuntratturi bħal għaqdiet lokali, NGOs, u intrapriżi żgħar. Il-kompromess għall-2015 jissalvagwardja l-ħlas lill-benefiċjarji f’oqsma li ntlaqtu l-aktar mid-dewmien fil-ħlas.


Pjan ta’ ħlas


Fuq l-insistenza tal-Parlament, il-Kummissjoni Ewropea għandha tippreżenta pjan biex jitnaqqsu l-kontijiet li akkumulaw, li sal-aħħar tal-2013 laħħqu €23.4 biljun u li skont l-aħħar previżjoni tal-Kummissjoni mistennija jilħqu €25 biljun sal-aħħar tal-2014. Il-pjan mistenni jistabbilixxi “livell sostenibbli” ta’ kontijiet mhux imħallsa li m’għandux jinqabeż.


Nużaw id-dħul żejjed biex innaqqsu mill-kontijiet akkumulati


Il-Parlament ried li t-€8.88 biljun fi dħul żejjed minn multi imposti fuq kumpaniji li jiksru r-regoli tal-kompetizzjoni fl-UE jintużaw kollha biex jitnaqqsu l-kontijiet akkumulati. Il-pajjiżi tal-UE qablu li jużaw €3.53 biljun minn din is-somma għal dan l-għan, iżda ddeċidew li jroddu lura l-bqija lejn il-baġits nazzjonali tagħhom.


Ftit aktar għat-tkabbir u l-affarijiet barranin


Il-Parlament reġġa’ lura tnaqqis ta’ €0.5 biljun fl-impenji deċiżi mill-Kunsill li kienu jolqtu l-aktar il-kompetittività, iċ-ċittadinanza, u inizjattivi fil-kamp esteru. Innegozja wkoll €45 miljun aktar għall-programm tal-UE għar-riċerka u l-innovazzjoni Horizon 2020, u €16 miljun aktar għall-programm ta’ skambju tal-istudenti Erasmus+. Fejn tidħol il-politika barranija, il-baġit għall-ħlasijiet żdied bi €32 miljun. L-aeġnziji ta’ superviżjoni fis-settur bankarju u l-Frontex ukoll se jirċievu aktar fondi.


Sfond

 

Il-baġit tal-UE għall-2015 jinkludi 2% aktar flus għal proġetti meta mqabbel mal-2014 u huwa biżżejjed biex ikun hemm 1% aktar fi ħlasijiet. Minn dan l-ammont, 88% jintefqu fil-pajjiżi membri, 6% jmorru għall-politika barranija, u 6% oħra jintużaw biex titmexxa l-UE. Il-baġit kollu tal-UE jirrappreżenta ftit aktar minn 1% tad-Dħul Gross Nazzjonali tal-pajjiżi tal-UE. L-abbozz tal-baġit jiġi ppreżentat mill-Kummissjoni u jiġi emendat mill-Kunsill u mill-Parlament.