Il-Parlament jappoġġa direttiva tal-UE dwar ir-Reġistru tal-Ismijiet tal-Passiġġieri (PNR) 

Stqarrija 
 
 

Aqsam din il-paġna ma' ħaddieħor: 

Il-linji tal-ajru jipprovdu lill-awtoritajiet nazzjonali informazzjoni dwar il-passiġġieri fil-ġlieda kontra t-terroriżmu u reati serji.- ©AP Images/European Union - EP  

Id-direttiva l-ġdida li tirregola l-użu tad-data tar-Reġistru tal-Ismijiet tal-Passiġġieri (PNR) fl-UE għall-prevenzjoni, id-detenzjoni, l-investigazzjoni u l-prosekuzzjoni ta' reati terroristiċi u kriminalità serja ġiet approvata mill-Parlament nhar il-Ħamis. Ser tobbliga lil-linji tal-ajru li jagħtu lill-awtoritajiet nazzjonali data dwar il-passiġġieri għat-titjiriet kollha minn pajjiżi terzi lejn l-UE u viċi versa.

“Adottajna għodda importanti ġdida biex niġġieldu t-terroristi u t-traffikanti. Bil-ġbir, il-qsim u l-analiżi ta' informazzjoni dwar il-PNR l-aġenziji tal-intelliġenza tagħna jistgħu jinnutaw ripetizzjoni ta' imġiba suspettuża li jiġu investigati. Il-PNR mhux soluzzjoni għall-problema kollha, iżda pajjiżi li għandhom sistemi nazzjonali tal-PNR urew kemm-il darba li hija sistema effettiva mhux ħażin", qal ir-relatur tal-Parlament għall-proposta, Timothy Kirkhope (ECR, UK)


"Kien hemm tħassib fondat dwar il-ġbir u l-ħażna tad-data dwar il-persuni, iżda nemmen li d-direttiva tistabbilixxi salvagwardji, kif ukoll turi li l-liġi hija approporzjon tar-riskji li naffaċċjaw. Issa l-gvernijiet tal-UE għandhom jaħdmu lejn l implimentazzjoni ta' dan il-ftehim", żied Kirkhope.


L-Istati membri għandhom jistabbilixxu "Unitajiet tal-Informazzjoni tal-Passiġġieri (PIUs) li jamministraw id-data PNR miġbura mil-linji tal-ajru. Din l-informazzjoni għandha tinżamm għal perjodu ta' ħames snin, iżda wara sitt xhur, id-data tiġi "mneżża", jiġifieri, jitneħħew ċertu elementi bħall-isem, l-indirizz u kuntatti li jistgħu jwasslu għall-identifikazzjoni tal-persuni.


Il-PIUs ser ikunu responsabbli għall-ġbir, il-ħażna u l-ipproċesar tad-data PNR, għat-trasferiment tagħha lill-awtoritajiet kompetenti u għall-iskambju tagħha mal-PIUs ta' stati membri oħra u mal-Europol. Id-direttiva tgħid li tali trasferimenti jsiru biss "skont il-każ" esklussivament għall-iskopijiet speċifiċi tal-"prevenzjoni, is-sejba jew il-prosekuzzjoni ta' reati terroristiċi jew kriminalità serja".


Id-direttiva għandha tapplika għal "titjiriet barra mill-UE, iżda stati membru jistgħu jestenduha wkoll għal dawk "ġewwa l-UE" (minn pajjiż tal-UE għal pajjiż ieħor jew aktar fl-UE), dment li jinnotifikaw lill-Kummissjoni tal-UE. Il-pajjiżi tal-UE jistgħu wkoll jagħżlu li jiġbru u jipproċessaw data PNR minn aġenziji tal-ivvjaġġar u operaturi ta' tours (operaturi ekonomiċi u mhux linji tal-ajru), peress li dawn ukoll jamministraw l-ibbukkjar tat-titjiriet.


Salvagwardji għall-protezzjoni tad-data

 

  • PIUs nazzjonali jkollhom jaħtru uffiċjal għall-protezzjoni tad-data responsabbli għall-monitoraġġ tal-ipproċessar tad-data PNR u l-implimentazzjoni ta' salvagwadji relatati.

  • Aċċess għas-sett sħiħ tad-data PNR, li jippermetti lill-utenti li jiddentifikaw immedjatament is-suġġett tad-data, għandu jingħata biss taħt kondizzjonijiet stretti u limitati ħafna wara l-ewwel perjodu ta' ritenzjoni.

  • L-ipproċessar kollu tad-data PNR għandu jiġi rreġistrat u dokumentat.

  • Projbizzjoni espliċita ta' proċessar ta' data personali li tiżvela r-razza jew l-oriġini etnika tal-persuna, l-opinjoni politika, it-twemmin reliġjuż jew filosofiku, sħubija ma' trade union, saħħa, ħajja sesswali jew orjentazzjoni sesswali tal-persuna.

 

Klawsola ta' reviżjoni

 

Il-Kummissjoni Ewropea se jkollha twettaq reviżjoni tad-direttiva PNR tal-UE sentejn wara li tiġi trasposta għal-liġijiet nazzjonali. Jeħtieġ li tingħata attenzjoni speċjali lill-konformità mal-istandards tal-protezzjoni tad-data personali, il-bżonn u l-proporzjonalità tal-ġbir u l-ipproċessar tad-data PNR għal kull wieħed mill-għanijiet imsemmija, it-tul tal-perjodu taż-żamma tad-data, kif ukoll “l-effettività tal-qsim tad-data bejn l-istati membri.”  

Il-passi li jmiss

 

Wara l-approvazzjoni tal-Parlament, il-proposta teħtieġ li tiġi approvata formalment mill-Kunsill. Meta tiġi ppubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali tal-UE, l-istati membri għandhom sentejn biex jittrasponuha fil-liġijiet nazzjonali tagħhom.

 

Aktar Informazzjoni


Speċjalist: Estefanía.

Proċedura:  Kodeċiżjoni, ftehim fl-ewwel qari

Fatti 
  • id-dati tal-vjaġġ 
  • il-pjan tal-vjaġġ 
  • informazzjoni tal-biljett  
  • l-indirizz u d-dettalji tal-passiġġier  
  • informazzjoni dwar il-bagalji, u 
  • informazzjoni dwar il-pagament  
  • Il-kumpaniji tal-ajru diġà jiġbru u jipproċessaw id-data PNR tal-passiġġieri tagħhom għall-użu kummerċjali tagħhom. Mhux se jkunu marbutin li jiġbru aktar data, u lanqas il-passiġġieri m’huma se jkunu mitluba jagħtu aktar informazzjoni.