Il-PE lest biex jinnegozja mal-gvernijiet dwar ir-riforma tas-sistema ta’ Dublin 

Stqarrija 
 
 

Aqsam din il-paġna ma' ħaddieħor: 

  • Il-pajjiż ta’ dħul m’għandux ikun awtomatikament responsabbli għall-ipproċessar tal-applikazzjonijiet għal ażil
  • Il-pajjiżi kollha tal-UE għandhom jaċċettaw is-sehem ta’ responsabbiltà ġusta tagħhom għall-akkoljenza tar-rifuġjati
  • Dawk li jirrifjutaw jistgħu jitilfu xi fondi tal-UE

Il-Parlament Ewropew huwa lest biex jinnegozja mal-gvernijiet dwar riforma tas-sistema ta’ Dublin biex dawk li jfittxu l-ażil jinqasmu ġustament fost l-istati membri.

Maġġoranza kbira tal-MEPs approvaw il-mandat imħejji mill-Kumitat dwar il-Libertajiet Ċivili nhar il-Ħamis.  Il-Parlament għalhekk issa jista’ jinnegozja mal-Kunsill hekk kif dan ikun irċieva mandat mill-istati membri.

 

Il-bidliet proposti għar-regoli ta’ Dublin jimmiraw biex jikkoereġu l-problemi fis-sistemaattwali u jiżguraw li l-pajjiżi kollha jaċċettaw is-sehem ta’ responsabbiltà ġusta tagħhom għall-akkoljenza tar-rifuġjati fl-UE.

Skont ir-riforma, il-pajjiż li fih persuna li tkun qed tfittex l-ażil l-ewwel tasal fih m’għandux jibqa’ awtomatikament responsabbli għall-ipproċessar tal-applikazzjoni għall-ażil.  Minflok il-persuni għandhom jinqasmu fost l-istati membri kollha, b’metodu ta’ riallokazzjoni rapidu u awtomatiku.

Jekk stat membru ma jaċċettax is-sehem ġust ta’ persuni li jkunu qed ifittxu l-ażil, dan għandu jiffaċċja r-riskju li l-aċċess tiegħu għall-fondi tal-UE jitnaqqas.

 

Aqra iżjed dwar il-pożizzjoni tal-Parlament f’din in-nota ta’ sfond.

Fatti fil-qosor

 

Is-sistema ta’ Dublin tiddetermina liemapajjiż tal-UE għandu jkun risponsabbli għall-ipproċessar ta’ applikazzjoni għall-protezzjoni internazzjonali.  Id-dritt għall-ażil huwa stipulat fil-Konvenzjoni ta’ Ġinevra li ġie ffirmat mill-istati membri kollha u li ġie inkorporat fit-trattati tal-UE.

 

Id-deċiżjoni tal-Kumitat dwar il-Libertajiet Ċivili biex jinfetħu t-taħdidiet mal-Kunsill kienet imħabbra fil-ftuħ tas-sessjoni nhar it-Tnejn.  Minħabba li kien hemm iżjed minn 76 membru li oġġezzjonaw għad-deċiżjoni sa nofs-il-lejl ta’ nhar it-tlieta, kellu jiżdied vot dwar il-mandat fuq l-aġenda.