Il-Parlament jivvota biex itemm il-fruntieri għax-xiri bl-internet trans-konfini 

Stqarrija 
 
 

Aqsam din il-paġna ma' ħaddieħor: 

  • Ix-xerrejja ser ikunu jistgħu jixtru fuq l-internet fl-UE mingħajr ma jkunu mblukkati jew awtomatikament mibgħuta fuq sit ieħor
  • Il-kummerċjanti ser ikollhom jittrattaw ix-xerrejja bl-istess mod bħal dawk lokali, billi jagħtuhom aċċess għall-istess prezzijiet
  • 63% tas-siti tal-internet ikkunsidrati f’survey ma jippermettux lix-xerrejja jixtru minn pajjiż membru ieħor tal-UE

Ix-xerrejja bl-internet ser ikollhom aċċess trans-konfini usa’ għal prodotti, riservazzjonijiet ta’ lukandi, karozzi, festivals tal-mużika jew biljetti għal parkijiet tad-divertiment.

Ir-regoli l-ġodda ser jipprojbixxu l-geo-blocking ta’ xerrejja li jkunu fuq siti tal-internet f’pajjiż ieħor tal-UE, sabiex ikunu jistgħu jagħżlu minn liema sit tal-internet jixtiequ jixtru prodott jew servizz, mingħajr ma jiġu mblukkati jew awtomatikament mibgħuta fuq sit ieħor minħabba n-nazzjonalità, il-post ta’ residenza jew anki l-lokazzjoni temporanja tagħhom.

 

Il-kummerċjanti ser ikollhom jittrattaw ix-xerrejja bl-istess mod bħal dawk lokali, billi jagħtuhom aċċess għall-istess prezzijiet jew il-kundizzjonijiet relatati mal-bejgħ, meta dawn:

 

  • jixtru prodott li jitwassal fi stat membru li lejnu l-kummerċjant jispedixxi skont il-kundizzjonijiet ġenerali tiegħu, jew li jinġabar x’imkien maqbul bejn iż-żewġ partijiet fi stat membri li fih il-kummerċjant joffri tali possibbiltà.
  • jirċievu servizz fornut elettronikament li ma jkunx protett minn copyright, bħal servizzi tal-cloud, firewalls, ħażna ta’ data, hosting ta’ sit web, jew
  • jixtru servizz fornut fil-bini tal-kummerċjant jew f’xi post fiżiku fejn il-kummerċjant jopera, per eżempju lukanda, avveniment sportiv, kiri ta’ karozza, festival tal-mużika jew biljetti għal park tad-divertiment.

 

It-trattament diskriminatorju ta’ xerrej abbażi tal-post li fih inħarġet il-karta ta’ debitu jew ta’ kreditu tiegħu ser ikun ipprojbit ukoll.  Filwaqt li l-kummerċjanti jibqgħu ħielsa biex jaċċettaw jew le kwalunkwe mezz ta’ ħlas, ma jistgħux jiddiskriminaw fi ħdan mezz ta’ ħlas speċifiku abbażi tan-nazzjonalità.

 

Il-kontenut kopert b’drittijiet tal-awtur eskluż għal issa

 

Kontenut diġitali kopert b’drittijiet tal-awtur, bħal kotba elettroniċi, jew mużika jew logħob li jistgħu jitniżżlu, mhumiex koperti mir-regoli l-ġodda għal issa.  Madankollu, il-Kummissjoni tal-UE għandha tivvaluta fis-sentejn wara d-dħul fis-seħħ tar-regolament jekk il-projbizzjoni tal-geo-blocking għandhiex titwessa’ biex tali kontenut jiġi inkluż, kif ukoll servizzi awdjo viżivi u ta’ trasport, li bħal issa huma esklużi wkoll.

 

Ir-regoli l-ġodda ġew approvati b’557 vot favur, 89 kontra u 33 astensjoni.

 

Stqarrijiet minn MEPs Maltin

 

David Casa (EPP)

“Jiena favur din il-ligi. Il-kuncett ta-geo-blocking imur kontra l-principji fundamentali tal-Unjoni Ewropeja, għaliex jillimita l-moviment ħieles tal-merkanzija u servizzi bejn il-pajjizi membri. L-effetti tal-geo-blocking jinħassu l-iżjed mill-pajjiżi membri żgħar, u joħnoq it-tkissib tal-potenzjal sħiħ tas-suq intern tal-UE.

 

Barra min hekk, id-drittijiet tal-konsumaturi f'pajjiżi membri m'humiex jiġu rrispettati kif suppost. Il-prinċipju tas-suq ħieles jimponi li ċittadini f'kwalunkwe pajjiż membru tal-Unjoni Ewropeja għandhom l-istess drittijiet, u dan il-prinċipju qiegħed jinqered bil-geo-blocking.

 

It-tneħħija tal-geo-blocking tista’ tippromwovi it-tkabbir ekonomiku kif ukoll tnaqqis il-prezzijiet fis-suq intern kollu.”

 

Roberta Metsola (EPP)

"Wara snin twal ta ħidma biex naqtgħu r-roaming charges fl-Unjoni Ewropea, issa irridu negħlbu l-ostaklu li jmiss: il-geo-blocking, jew aħjar, l-imblukkar ġeografiku. Ir-regoli l-ġodda li għadna kemm innegozjajna jipprojbixxu d-diskriminazzjoni fuq bażi ta' nazzjonalità jew residenza. Għaldaqstant, wieħed ma jistax jittieħed fuq sit elettroniku ta' pajjiż ieħor awtomatikament. L-imblukkar ġeografiku se jkun l-ostaklu diġitali li jmiss li neliminaw”.

 

Marlene Mizzi (S&D)

Il-ftehim fuq il-geoblocking se jfisser li l-kumpaniji ma jistgħux jibqgħu jwaqqfu lill-konsumaturi milli jaċċessaw jew jixtru prodotti online jew li jigu mitluba prezzijiet eċċessivi sempliċiment għax qegħdin jgħixu jew joqogħdu fi Stati Membri differenti tal-UE. Skont ir-regoli l-ġodda, il-konsumaturi jkunu jistgħu jagħżlu minn liema websajt jixtiequ jixtru prodotti jew servizzi mingħajr ma jiġu mblukkati jew mibghuta awtomatikament għal websajt oħra minħabba n-nazzjonalità, il-post ta' residenza permanenti jew  temporanja tagħhom. Dan hu l-ghan baziku ta' din il-proposta ta' geoblocking, li vvutajna dwarha illum u dan juri  kif il-ħidma tagħna bħala MEPs tagħmel id-differenza fil-ħajja ta' kuljum taċ-ċittadini.

 

Passi li jmiss

 

Il-ftehim dwar il-geo-blocking għad irid jiġi approvat formalment mill-Kunsill.  Ir-regoli l-ġodda ser ikunu applikabbli disa’ xhur wara l-jum tal-publikazzjoni tagħhom fil-Ġurnal Uffiċjali tal-UE, jiġifieri qabel l-aħħar tas-sena.

 

Sfond

 

63% tas-siti tal-internet ma jippermettux lix-xerrejja biex jixtru minn pajjiż ieħor, skont is-sejbiet  ta’ studju ta’ “xiri misterjuż” imwettaq mill-Kummissjoni. Għall-prodotti tanġibbli, il-geo-blocking kien l-ogħla għall-apparat elettroniku tad-dar (86%), filwaqt li fir-rigward tas-servizzi kienu r-riservazzjonijiet bl-internet ta’ attivitajiet ta’ divertiment, bħal biljetti għal avvenimenti sportivi (40%).

 

Il-konsumaturi tal-UE qed juru interess dejjem jikber għax-xiri trans-konfini bl-internet. Fl-aħħar għaxar snin is-sehem tal-Ewropej li xtraw fuq l-internet kważi rdoppja.

 

Dan ir-regolament jagħmel parti mill-pakkett ta’ leġiżlazzjoni dwar il-kummerċ elettroniku li hu kompost ukoll mil-leġiżlazzjoni dwar servizzi trans-konfini ta' konsenja tal-pakketti, li ser tiġi vvutata fil-plenarja f’Marzu, kif ukoll liġi li tfittex li ssaħħaħ l-infurzar tad-drittijiet tal-konsumaturi, li diġà ġiet approvata mill-Parlament f’Novembru 2017.