L-MEPs japprovaw pjan ġdid għat-taxxa korporattiva tal-UE li tinkludi aħjar il-qasam diġitali 

Stqarrija 
 
 

Aqsam din il-paġna ma' ħaddieħor: 

  • Pjan biex tinħoloq sistema unika, ċara u ġusta tat-taxxa korporattiva tal-UE
  • Benchmarks biex tiġi stabbilita l-“preżenza diġitali” ta’ kumpanija u fejn għandhom iħallsu t-taxxi
  • Użu tad-data biex jiġi kkalkulat kemm għandha tħallas taxxi kumpanija

Kumpaniji għandhom jiġu intaxxati fejn jagħmlu l-profitti u l-attivitajiet online ta’ kumpaniji diġitali għandhom jiġu kkunsidrati fl-ikkalkular tat-taxxi li għandhom iħallsu jgħidu l-MEPs.

Il-Bażi Komuni Konsolidata għat-Taxxa Korporattiva (BKKTK) - parti minn proposta wiesgħa għall-ħolqien ta’ sistema unika, ċara u ġusta tat-taxxa korporattiva tal-UE - ġiet appoġġata mill-MEPs il-Ħamis b’438 vot favur, 145 kontra u 69 astensjoni.

 

Miżura separata iżda komplimentari, li toħloq il-bażi għas-sistema ta’ taxxa korporattiva armonizzata - il-Bażi Komuni għat-Taxxa Korporattiva - ġiet approvata b’451 vot favur, 141 kontra u 59 astensjoni.

 

 “Preżenza diġitali” f’pajjiż biex jiġu stabbiliti l-profitti taxxabbli

 

Flimkien, iż-żewġ miżuri għandhom l-għan li jagħlqu l-loop holes li ppermettew lil xi kumpaniji diġitali u globali biex inaqqsu drastikament it-taxxi dovuti jew jevitaw li jħallsu taxxi fejn jagħmlu l-profitti tagħhom.  Dan għandu jsir parzjalment permezz ta’ benchmarks li għandhom jidentifikaw jekk kumpanija għandhiex “preżenza diġitali” fi Stat Membru, u hiex għalhekk soġġetta għat-taxxi hemmhekk.

 

Il-Parlament irid ukoll li l-Kummissjoni tistabbilixxi dawk il-benchmarks (bħan-numru ta’ utenti jew il-volum tal-kontenut diġitali miġbur) biex tinħoloq stampa ċara ta’ fejn kumpanija tkun qed tiġġenera l-profitti tagħha.  Id-data personali hija assi b’ħafna valur imminata minn kumpaniji bħall-Facebook, Amazon u Google biex joħolqu l-ġid tagħhom, iżda bħalissa mhix ikkunsidrata fl-ikkalkular tal-obbligi fiskali tagħhom.

 

One-stop shop għat-taxxa

 

Il-kumpaniji jkunu jistgħu jikkalkolaw it-taxxi li għandhom iħallsu billi jikkalkolaw il-profitti u t-telf tal-kumpaniji kostitwenti tagħhom fl-istati membri kollha tal-UE.  It-taxxa li tirriżulta tinqasam imbagħad bejn l-istati membri skont fejn il-profitti jkunu ġew iġġenerati.  L-għan hu li titwaqqaf il-prattika attwali ta’ kumpaniji li jċaqalqu   l-bażi fiskali tagħhom lejn ġurisdizzjonijiet fejn it-taxxi jkunu baxxi.

 

Ladarba l-proposti jieħdu effett, sett uniku ta’ regoli fiskali għandhom japplikaw fl-istati membri kollha.  Il-kumpaniji ma jkollhomx jaħdmu b’28 sistemi fiskali differenti, u jkollhom jirrispondu biss quddiem amministrazzjoni tat-taxxa unika (one stop shop). 

 

Dikjarazzjonijiet minn MEPs Maltin

 

Miriam Dalli (S&D): "Ivvutajt kontra proposti biex jiddaħħlu l-BKTK u l-BKKTK għax ma nemminx li dawn ikunu fl-interess taʾ Malta jekk l-Unjoni Ewropea tibda miexja lejn aktar armonizzazzjoni tat-taxxa bejn l-istati membri. Politika dwar it-taxxa hija l-għodda li għandna biex nikkompetu u nagħmlu tajjeb għal dak li mʾgħandniex fʾtermini taʾ riżorsi meta mqabbla mal-akbar pajjiżi. Il-fatt li ninsabu fil-periferija ma jgħinnix lanqas. Jiena favur aktar trasparenza u l-ġlieda kontra l-evażjoni tat-taxxa u l-ħasil taʾ flus iżda ma nemminx li dawn se jiġu indirizzati bl-introduzzjoni taʾ taxxa komuni."

Marlene Mizzi (S&D): Ivvutajt kontra l-proposti għall-introduzzjoni tal-BKTK u l-BKKTK għaliex dawn jikkostitwixxu l-ewwel pass fi strateġija għall-armonizzazzjoni tal-istrutturi tat-taxxa madwar l-UE. Il-politika fiskali hija l-prerogattiva sovrana tal-istati membri u għandha tibqa’ hekk.  L-armonizzazzjoni taf timmina l-flessibbiltà fiskali li l-istati membri ż-żgħar tal-UE - speċjalment dawk fil-periferija - għandhom bżonn biex jibqgħu kompetittivi fir-rigward tal-istati membri l-kbar.  L-ideja li l-BKTK u l-BKKTK jistgħu jnaqqsu l-evażjoni fiskali, l-evitar tat-taxxi u l-ippjanar fiskali aggressiv hija żgwidata u mhiex appoġġata mill-fatti.  Is-sistemi li qed jiġu proposti jafu jqiegħdu lill-kumpaniji bbażati fl-UE u l-istati membri fi żvantaġġ meta mqabbla ma’ kumpaniji u pajjiżi fil-bqija tad-dinja.  Nappoġġaw trasparenza sħiħa fit-twaqqif ta’ kompetizzjoni fiskali flessibbli u ġusta.  Iżda apparti minn dan ma nikkunsidrawx li l-proposti huma fl-interess nazzjonali ta’ Malta.   

 

Passi li jmiss

 

Ir-riżoluzzjonijiet issa għandhom jingħaddu lill-Kunsill u l-Kummissjoni għall-konsiderazzjoni tagħhom.