L-ekonomija ċirkolari: Aktar riċiklaġġ tal-iskart domestiku, inqas rimi f’terraferma  

Stqarrija 
 
 

Aqsam din il-paġna ma' ħaddieħor: 

  • il-miri tar-riċiklaġġ tal-iskart muniċipali: 44% illum, 55% sal-2025, 65% sal-2035
  • Inqas minn 10% tal-iskart jispiċċa f’terraferma sal-2035
  • Ġbir separat tal-iskart tat-tessuti u l-iskart perikoluż
  • Malta attwalment tarmi 92% tal-iskart tagħha f’terraferma

Il-Parlament jappoġġa miri ta’ riċiklaġġ ambizzjużi, skont leġiżlazzjoni dwar l-iskart u l-ekonomija ċirkolari, adottata nhar l-Erbgħa.

Ġestjoni aħjar tal-iskart tista’ twassal għal benefiċċji għall-ambjent, il-klima, u s-saħħa tal-bnedmin, iżda mhux biss.  L-erba’ biċċiet ta’ leġiżlazzjoni huma parti minn bidla fil-politika tal-UE lejn ekonomija ċirkolari, jiġifieri sistema fejn il-valur ta’ prodotti, materjal u riżorsi jinżamm fl-ekonomija għall-itwal żmien possibbli.

 

Sal-2025, mill-inqas 55% tal-iskart muniċipali (tad-djar u tal-kummerċ) għandu jiġi riċiklat jgħid it-test.  Din il-mira togħla għal 6-% sal-2030 u 65% sal-2035.  65% tal-materjal tal-imballaġġ għandu jiġi riċiklat sal-2025, u 70% sal-2030.  Hemm miri separati għal materjali separati tal-imballaġ, bħall-karta u l-kartonċina, il-plastik, il-metall, u l-injam.

 

Malta attwalment tarmi 92% tal-iskart tagħha f’terraferma filwaqt li tirriċikla jew tikkompostja it-8% l-oħra. Il-medja tal-UE hi ta’ 24,6% f’terraferma, 46,8% riċiklat jew ikkompostjat u 28,6% inċinerat.

L-iskart tat-tessuti u dak perikoluż ser ikollu jinġabar separatament sal-2025.  Sal-2024, l-iskart bijodegradabbli ser ikollu jew jinġabar separatament ukoll jew inkella jiġi riċiklat id-dar permezz tal-ikompostjar.

 

L-użu tat-terraferma għandha ssir l-eċċezzjoni

 

L-abbozz ta’ liġi jillimita wkoll is-sehem ta’ skart muniċipali li jista’ jintrema f’terraferma għal massimu ta’ 10% sal-2035. Fl-2016 l-Awstrija, il-Belġju, id-Danimarka, il-Ġermanja, l-Olanda u l-Iżvezja ma rmew prattikament xejn f’terraferma, fil-waqt li Ċipru, il-Greċja, Latvja u Malta għandhom jarmu iżjed minn tliet kwarti mill-iskart tagħhom hekk.

Tnaqqis tal-iskart tal-ikel b’50%

 

L-istati membri għandhom inaqqsu l-iskart tal-ikel  bi 30% sal-2025 u b’50% sal-2030.  Biex isir hekk, l-Istati Membri għandhom jipprovdu inċentivi għall-ġbir tal-ikel li ma nbieħx u d-distribuzzjoni mill-ġdid tiegħu.  Il-konsapevolezza  tal-konsumatur għandu jittejjeb ukoll, speċjalment permezz ta’ fehim aħjar tat-termini “use by” u “best before” li jinsabu fuq it-tikketti.

 

Dikjarazzjonijiet minn MEPs Maltin

 

Francis Zammit Dimech (EPP)

Malta qed tiffaċċja sfidi kbar f'dak li għandu x'jaqsam mar-riċiklaġġ, hekk kif skond statistika tal-Eurostat, Malta għandha l-anqas rata ta' riċiklaġġ, liema rata qed tkompli tiggrava. Il-miżuri proposti sabiex isiru miri ġodda dwar ir-riċiklaġġ u jissaħħu l-miżuri kontra l-ġenerazzjoni tal-iskart huma passi 'l quddiem fl-aħjar interess tas-saħħa tal-bniedem, l-ambjent u l-ekonomija.

 

Miriam Dalli (S&D)

Ekonomija li tiġġenera skart biss hija ta’ detriment kemm għall-ambjent kif ukoll għall-kwalità ta’ ħajja li ngħixu. Il-pajjiżi kollha jridu jaħdmu aktar biex jilħqu l-miri tar-riċiklaġġ tagħhom. Fl-istess ħin, tali bidla ma tistax tintlaħaq mingħajr bidla fil-mentalità ta’ kif inħarsu lejn l-iskart li noħolqu. Dan ifisser li anke l-industrija trid tbiddel il-ħsieb, fejn prodott jinħoloq bil-għan li jerġa’ jintuża u mhux biex jintuża darba u jintrema. Din tista’ sservi wkoll ta’ opportunità oħra għaż-żgħażagħ li jridu jimirħu fis-settur tal-innovazzjoni.

 

Marlene Mizzi (S&D)

Il-proposta hija waħda tanġibbli u pro-attiva li hija mportanti għall-immaniġjar tal-iskart ġewwa djarna.

 

Il-qbil fuq din il-liġi huwa wieħed li jimxi id f’id mal-proġett nazzjonali dwar l-immaniġjar tal-iskart. Hija liġi essenzjali sabiex verament nimxu l’quddiem fejn jidħol ir-reċiklaġġ u l-immaniġjar tal-iskart. B’dan il-mod inkunu kapaċi nbiddlu l-mentalità kurrenti u verament nagħmlu pass ‘l quddiem fl-ínteres tal-ambjent u tas-saħħa.

 

Il-passi li jmiss

 

It-test issa jerġa’ lura għall-Kunsill għall-approvazzjoni formali qabel ma jiġi ppubblikat fil-Ġurnal Uffiċjali tal-UE.

 

X’inhi l-ekonomija ċirkolari?

 

Ekonomija ċirkolari timplika tnaqqis tal-iskart għall-minimu possibbli permezz tal-użu mill-ġdid, it-tiswijja, ir-renovazzjoni u r-riċiklaġġ tal-materjal u l-prodotti eżistenti.  Ekonomija ċirkolari għandha tnaqqas il-pressjoni fuq l-ambjent, ittejjeb is-sigurtà tal-provvista ta’ materjal primarju, ittejjeb il-kompetittività, l-innovazzjoni u t-tkabbir ekonomiku, u toħloq l-impjiegi.