Regoli komuni dwar is-sigurtà tad-drones approvati mill-Parlament 

Stqarrija 
Is-sessjoni plenarja 
 
 

Aqsam din il-paġna ma' ħaddieħor: 

  • Livell ta’ sigurtà komuni madwar l-UE kollha
  • Ċertezza ġuridika biex is-suq ikun jista’ jiżviluppa
  • Regoli tas-sigurtà tal-avjazzjoni modernizzati biex l-innovazzjonijiet jiġu indirizzati

L-MEPs addotaw regoli komuni tal-UE biex jiġi żgurat l-użu sigur tad-drones u jiġu aġġornati r-regoli tas-sigurtà tal-avjazzjoni.

It-Tlieta, l-MEPs approvaw ftehim informali li ntlaħaq bejn in-negozjaturi tal-Kunsill u l-Parlament f’Novembru 2017 dwar regoli għad-drones u l-operaturi tad-drones biex ikun hemm livell komuni ta’ sigurtà u biex l-operaturi u l-produtturi jkunu jistgħu jiżviluppaw il-prodotti u s-servizzi f’qafas legali prevedibbli. Attwalment il-biċċa l-kbira tad-drones jaqgħu taħt regoli nazzjonali differenti, u dan jaf ixekkel l-iżvilupp tagħhom.

 

Skont ir-regoli l-ġodda, id-drones ikollhom ikunu iddisinjata biex ikunu jistgħu jitħaddmu mingħajr ma jipperikolaw lin-nies.  Abbażi tar-riskju potenzjali, ikkalkolat pereżempju fir0-rigward tal-piż tad-drone jew iż-żona li fiha jittajjar, id-drone ikollu jkun mgħammar b’elementi ta’ sigurtà addizzjonali, bħall-inżul awtomatiku fil-każ li l-operatur jitlef il-kuntatt mad-drone jew sistemi li jevitaw il-kolliżjonijiet. 

 

L-operaturi tad-drones ikollhom ikunu jafu r-regoli kollha li japplikaw għalihom u jkunu kapaċi joperaw drone b’mod sigur.  Dan ifisser li ċerti operaturi ser ikollhom jirċievu taħriġ qabel ma jkunu jistgħu joperaw drone.

 

Sabiex l-operatur ta’ drone ikun jista’ jiġi identifikat f’każ ta’ inċident, l-operaturi għandhom ikunu fuq reġistri nazzjonali u d-drones tagħhom immarkati biex ikunu jistgħu jiġu identifikati.  Dan mhux ser jikkonċerna l-iżgħar drones.

 

Regoli iżjed dettaljati jkollhom jiġu żviluppati mill-Aġenzija Ewropeja għas-Sigurtà tal-Avjazzjoni u l-Kummissjoni abbażi tal-prinċipji stabbiliti b’dawn ir-regoli.

 

Modernizzar tar-regoli dwar is-sigurtà tal-avjazzjoni

 

Ir-regoli adottati jaġġornaw ukoll il-liġijiet tal-UE dwar is-sigurtà fis-settur tal-avjazzjoni biex tiġi indirizzata ż-żieda mistennija fit-traffiku tal-ajru fis-snin li ġejjin.

 

Bidliet oħra jtejbu l-kooperazzjoni bejn l-aġenzija tal-UE għas-sigurtà tal-avjazzjoni u l-awtoritajiet nazzjonali meta jiġu valutati r-riskji fir-rigward ta’ titjiriet li jgħaddu minn fuq żoni ta’ konflitt.  Il-Kummissjoni tirċievi wkoll id-direttiva biex tiżviluppa standards għat-tniżżil f’ħin reali tad-data mit-tagħmir ta’ reġistrazzjoni meta ajruplan ikollu l-problemi.

 

Passi li jmiss

 

Ir-regoli issa jridu jiġu adottati mill-ministri tal-UE.

 

Sfond

 

Attwalment id-drones b’piż ta’ inqas minn 150Kg kienu rregolati fil-livell nazzjonali.  Dan kien qed jirriżulta fi frammentazzjoni regolatorja.

 

It-teknoloġija tad-drones ċivili tista’ tammonta għal madwar 10% tas-suq tal-avjazzjoni tal-UE fl-10 snin li ġejjin (madwar EUR 15-il biljun fis-sena).  Skont il-Kummissjoni l-industrija tad-drones tista’ toħloq madwar 150,000 impjieg fl-UE sal-2050.

 

drone fl-ajru - ©AP Images/European Union-EP