Il-plastik li jintuza darba biss għandu jkun ipprojbit sal-2021, jgħidu l-MEPs  

Stqarrija 
Is-sessjoni plenarja 
 
 

Aqsam din il-paġna ma' ħaddieħor: 

  • il-pożati li jintużaw darba, il-blanzuni tal-qoton, l-istraws u l-ħawwada ipprojbiti mill-20121
  • l-MEPs żiedu l-oxo-plastics, u ċerti prodotti tal-polistirene
  • Fejn bilfors irid jintuża l-plastik dan għandu jitnaqqas b’mill-inqas 25%
  • miżuri kontra l-filtri tas-sigaretti u t-tagħmir tas-sajd li jintilef fil-baħar

Il-plastik li jintuża darba bħall-platti, il-pożati, l-istraws, l-isticks tal-blalen tal-arja jew il-blanzuni tal-qoton, ser jiġu pprojbiti permezz tal-pjanijiet tal-UE adottati l-Erbgħa.

Dawn il-prodotti, li jirrappreżentaw iżjed minn 70% tal-iskart fil-baħar, ser jiġu pprojbiti fis-suq tal-UE mill-2021, skont abbozz ta’ liġi approvat mill-Parlament.


L-MEPs żiedu wkoll diversi prodotti oħra tal-plastik li għandhom jiġu pprojbiti mill-2021: prodotti magħmula mill-oxo-plastics degradabbli, bħal boroż u materjal ta’ ippakkjar, u kontenituri użati fil-fast-food magħmula mill-polistirene ċellulari.


Miri nazzjonali għat-tnaqqis tal-plastik mhux ipprojbit


Il-konsum ta’ bosta oġġetti oħra, li għalihom m’hemmx alternattiva, ser ikollu jitnaqqas mill-istati membri mill-inqas b’25% sal-2025. Dan jinkludi l-kaxxi tal-burgers b’użu uniku, il-kaxxi tas-sandwich jew il-kontenituri tal-ikel għall-frott, il-ħaxix, id-deżerta jew il-ġelat. L-istati membri għandhom ifasslu pjanijiet nazzjonali biex iħeġġu l-użu ta’ prodotti li jistgħu jintużaw diversi drabi, kif ukoll l-użu mill-ġdid u r-riċiklaġġ.


Plastik ieħor, bħall-fliexken, ser ikollu jinġabar separatament u, sal-2025, 90% ta’ dan għandu jiġi riċiklat.


Filters tas-sigaretti u tagħmir tas-sajd mitluf


L-MEPs qablu li l-miżuri ta’ tnaqqis għandhom ikopru wkoll l-iskart mill-prodotti tat-tabakk, partikolarment il-filtri tas-sigaretti għaliex dawn fihom il-plastik. Dan l-iskart għandu jonqos b’50% sal-2025 u 80% sal-2030.


Filtru wieħed jista’ jħammeġ bejn 500 u 1000 litru ta’ ilma, u meta jintrema fit-triq, jista’ jdum tnax-il sena biex jiddiżintegra. Il-filtri jirrapreżentaw it-tieni oġġett tal-plastika b’użu uniku li jintrema fin-natura.


L-istati membri għandhom jiżguraw ukoll li mill-inqas 50% tat-tagħmir tas-sajd li jintilef jew jiġi abbandunat jinġabar kull sena, b’mira ta’ riċiklaġġ ta’ mill-inqas 15% sal-2025. It-tagħmir tas-sajd jirrapreżenta 27% tal-iskart fil-bajjiet Ewropej.


Responsabbilizzazzjoni akbar tal-produtturi


L-istati membri għandhom jiżguraw li l-kumpanniji tat-tabakk ikopru l-ispejjeż li jirriżultaw mill-ġbir tal-iskart mill-prodotti tagħhom, inkluż it-trasport, u l-ipproċessar tal-iskart. L-istess japplika għal dawk li jipproduċu t-tagħmir tas-sajd li fih il-plastik.



Passi li jmiss


Ir-rapport, imħejji minn Frédérique Ries (ALDE, BE), issa ser ikun il-bażi għall-pożizzjoni tal-Parlament waqt in-negozjati mal-Kunsill ladarba l-ministri jkunu adottaw il-pożizzjoni tagħhom.


Kummenti minn MEPs Maltin


Francis Zammit Dimech (EPP)

“Jekk ma nieħdu l-ebda azzjoni, sal-2050 se jkun hemm aktar plastik milli ħut fl-oċeani. Billi pajjiżna huwa mdawwar bil-baħar, aħna l-Maltin għandna inkunu speċjalment imħassba dwar din l-istatistika. Il-miżuri li qegħdin nitolbu għandhom l-għan li jnaqqsu l-iskart tal-plastik. Dawn huma inizjattivi tajbin sabiex inkunu nistgħu ngħixu f'ambjent aħjar fejn il-plastik ma jkunx aktar ta' tħassib għas-soċjetà u għall-ħajja marittima.”


Marlene Mizzi (S&D)

“It-tniġġis tal-plastik huwa realtà ħarxa li għandna nindirizzaw wara passat

ta’ nuqqas ta' azzjoni. It-test propost huwa wieħed li jsaħħaħ l-isforzi tagħna biex innaqqsu l-impatt li ċerti prodotti tal-plastik għandhom fuq l-ambjent. Għandna nibqgħu nħejju u ninfurzaw leġiżlazzjoni bħal din li tipproteġi l-ibħra u l-ambjent tagħna minn l-impatt tal-bniedem.


Għandna nippruvaw nipproteġu l-ambjent b’kull mod possibbli, speċjalment meta nikkunsidraw li aħna l-ambjent biss nissellfuh, u għandna l-obbligu li nibżgħu għalih għall-ġenerazzjonijiet futur.”

Miriam Dalli (S&D)

“Din il-liġi hija l-ewwel pass biex nibdew nindirizzaw il-problema tal-iskart iġġenerat mill-plastik li qed jispiċċa fl-ibħra tagħna, b’detriment għall-ispeċi marittimi u s-saħħa tagħna.

Lil hinn minn dan, jien nemmen li hemm bżonn ta’ ftehim legali internazzjonali li jwassal biex ma jibqax jintrema plastik fl-ibħra tagħna, inkluż miri b’saħħithom biex il-plastik kollu eventwalment jiġi riċiklat. Fuq kollox, irid ikun hemm aktar investiment fl-innovazzjoni u d-disinn biex verament ikollna użu sostenibbli u effettiv tal-plastik.”