Facebook-Cambridge Analytica: Il-privatezza trid tiġi protetta aħjar 

Stqarrija 
 
 

Aqsam din il-paġna ma' ħaddieħor: 

  • Awditu sħiħ ta’ Facebook mill-korpi tal-UE
  • Il-liġijiet elettorali jridu jiġu aġġornati biex jirriflettu r-realtà diġitali
  • L-istati membri għandhom jinvestigaw l-allegazzjonijiet ta’ użu ħażin tal-ispazji politiċi fuq l-internet minn forzi barranin

B’riżultat tal-iskandlu ta’ Facebook-Cambridge Analytica, l-MEPs sejħu għal awditu sħiħ ta’ Facebook u miżuri ġodda kontra l-indħil fl-elezzjonijiet.

L-MEPs qalu, f’riżoluzzjoni adottata l-Ħamis, li Facebook mhux biss kiser il-kunfidenza taċ-ċittadini tal-UE, “iżda wkoll il-liġi tal-UE”. Huma rrakkomandaw li Facebook iwettaq bidliet għall-pjattaforma tiegħu biex jikkonforma mal-liġi tal-UE dwar il-protezzjoni tad-data.


Miżuri kontra l-manipulazzjoni tal-elezzjonijiet


L-MEPs innutaw li d-data miksuba minn Cambridge Analytica setgħat intużat għal finijiet politiċi, miż-żewġ naħat matul il-kampanja tar-referendum fir-Renju Unit dwar is-sħubija tal-pajjiż mal-UE u matul l-elezzjoni presidenzjali tal-Istati Uniti fl-2016.


Huma issottolinjaw l-urġenza biex jiġu miġġielda t-tentattivi biex jiġu manipulati l-elezzjonijiet tal-UE u biex il-liġijiet elettorali jiġu adattati biex jirriflettu r-realtà diġitali. Ir-riżoluzzjoni toffri bosta ideat dwar kif dawn l-għanijiet jistgħu jintlaħqu.


Ir-riżoluzzjoni toffri taqsira tal-konklużjonijiet milħuqa wara l-laqgħa ta’ Mejju bejn l-MEPs ewlenin u s-CEO ta’ Facebook Mark Zuckerberg, u t-tliet smigħ sussegwenti. Hija tagħmel referenza wkoll għad-dejta breach li sofra Facebook fit-28 ta’ Settembru.


Kummenti minn MEPs Maltin


Roberta Metsola (EPP)

"Iċ-ċittadini Ewropej għandhom iserrħu rashom li d-data personali tagħhom tibqa’ personali u mhux tispiċċa fuq il-kompjuters ta’ persuni oħra. Sfortunatament, fl-aħħar xhur, smajna b’diversi każi fejn informazzjoni personali ta’ persuni li jużaw Facebook spiċċat għand kumpaniji privati li jużaw dik l-istess informazzjoni biex jinfluwenzaw l-elettorat fi żmien l-elezzjonijiet. Dan irid jieqaf illum qabel għada, speċjalment meta qed nippreparaw għal elezzjonijiet madwar l-Ewropa kollha f’Mejju li ġej. Aħna qed ninsistu li kumpaniji bħal Facebook ikunu trasparenti fil-modi u l-mekkaniżmi li jużaw biex jissalvagwardjaw l-informazzjoni personali tan-nies."


Francis Zammit Dimech (EPP)

"Bosta kienu effettwati mill-ksur tad-dejta personali ta 'Facebook’. Għandna dejjem nħarsu d-dritt tagħna bħala ċittadini u bħala konsumaturi, għall-privatezza tagħna. Għalkemm l-era diġitali ġabet riżultati pożittivi ħafna għad-dinja, ma nistgħux inħallu dan ikun ta' detriment għaliha. Għalhekk, għandna nimmiraw li nsaħħu it-trasparenza, ir-responsabilità, d-drittijiet u l-libertajiet tal-individwi - speċjalment id-dritt tagħna għal ħajja privata, fejn id-dejta personali tkun protetta akkost ta 'kollox."


Marlene Mizzi (S&D)

"Il-liġi dwar il-protezzjoni tad-data hija waħda li għandha tiġi nfurzata sabiex tħares id-drittijiet taċ-ċittadini f’dak li għandu x’jaqsam data. Huwa minħabba f’hekk li kull kumpanija, rispettivament hiex SME jew ġgant bħal Facebook, għandha taħdem b'mod qatigħ biex tirregola l-pożizzjoni tagħha li tkun konformi mal-liġijiet tad-data. B’dan il-mod nevitaw skandlu ieħor bħalma kien dak ta’ “Cambridge Analytica”.


B’dan il-mod, jien u l-kollegi tiegħi ġewwa l-Parlament Ewropew ħa nkomplu naħdmu sabiex inkompli ntejbu l-leġiżlazzjoni dwar il-protezzjoni tad-data, bl-intenzjoni ewlenija li tipproteġi lill-utent. Għaldaqstant irridu naħdmu sabiex inkomplu nħejju leġiżlazzjoni li tkun konformi ma l-iżvilupp u l-progress."