Baġit pluriennali tal-UE: Il-MPE jippreżentaw il-prijoritajiet għall-baġit 2021-2027 

Stqarrija 
 
 

Aqsam din il-paġna ma' ħaddieħor: 

  • Il-MPE jappellaw għal iżjed fondi għaż-żgħażagħ, ir-riċerka, it-tkabbir u l-impjiegi u l-ġlieda kontra t-tibdil fil-klima
  • Riżorsi adegwati għall-finanzjament tal-isfidi l-ġodda bħall-migrazzjoni, id-difiża, is-sigurtà
  • Il-fondi għall-politiki storiċi tal-agrikoltura u l-koeżjoni m’għandhomx jitnaqqsu
  • Sorsi ġodda ta’ dħul dirett għandhom jissostitwixxu parzjalment il-kontribuzzjonijiet li ġejjin direttament mill-kontribwenti

L-Erbgħa, il-MPE adottaw il-pożizzjoni tagħhom dwar il-baġit pluriennali, inkluż kemm flus għandu jmur għal kull programm.

Il-Parlament jissottolinja li huwa “unit u ppreparat” għan-negozjati mal-ministri tal-istati membri u jiddispjaċih li l-istati membri m’għamlu “ebda progress sinifikattiv” biex jadottaw pożizzjoni komuni bejniethom.


Il-MPE jikkunsidraw il-proposta ppreżentata mill-Kummissjoni bħala punt ta’ tluq, iżda il-livelli ta’ finanzjament proposti “mhux ser jippermettu lill-UE biex tirrispondi għall-isfidi li ġejjin”. Għalhekk il-plenarja ikkonfermat il-prijoritajiet li ġejjin (lista mhux eżawżtiva):


  • Il-fondi għall-programm ta’ riċerka Orizzont Ewropa għandhom jammontaw għal €120 biljun (il-Kummissjoni pproponiet: €83.5 biljun);
  • Tkabbir tal-pjan strateġiku ta’ investiment Ewropew (“il-Pjan Juncker”);
  • Żieda fil-fondi għall-infrastruttura tat-trasport u l-SMEs;
  • Jinżamm il-livell ta’ finanzjament għall-politiċi storiċi tal-koeżjoni u l-agrikoltura;
  • Irduppjar tar-riżorsi għall-qagħad taż-żgħażagħ, u tripplikar tar-riżorsi għall-Erasmus+;
  • Il-kontribuzzjoni tal-UE għall-mira tal-objettivi dwar il-klima għandha tiġi stabbilita għal minimu ta’ 25% tal-infiq fuq il-baġit pluriennali u 30% kemm jista’ jkun malajr, u l-iżjed tard sal-2027.

Sistema ġdida u aktar sempliċi għad-dħul


Il-MPE jisħqu li s-sistema attwali tar-riżorsi proprji tal-UE hija “kumplessa ħafna, inġusta u mhux trasparenti, u kompletament inkomprensibbli għaċ-ċittadini”.


Sistema ġdida u aktar sempliċi għandha tnaqqas b’mod sostanzjali l-kontribuzzjonijiet diretti bbażati fuq id-dħul nazzjonali gross (GNI) mill-istati membri u tiggarantixxi finanzjament xieraq tal-infiq tal-UE. Il-parlament approva wkoll it-tneħħija tar-rebates kollha u mekkaniżmi oħra ta’ korrezzjoni.


Il-MPE talbu biex jiddaħħlu riżorsi proprji ġodda, bħal waħda bbażata fuq skema ġdida tat-taxxa korporattiva (inkluż it-tassazzjoni ta’ kumpanniji kbar fis-settur diġitali), fuq dħul mis-Sistema tal-Kummerċ tal-Emissjonijiet u fuq taxxa fuq il-plastik.


Huma jisħqu li d-dħul u l-infiq għandhom jiġu ttrattati bħala pakkett wieħed fin-negozjati.


Dikjarazzjonijiet minn MPE Maltin


Francis Zammit-Dimech (EPP)

"Il-ftehim għall-Qafas Finanzjarju Pluriennali (MFF) huwa kruċjali biex jiġi żgurat li l-fondi meħtieġa għall-inizjattivi ewlenin tal-UE jkunu salvagwardati. Ir-riċerka u l-innovazzjoni huma u għandhom ikunu ta' prijorità ewlenija, speċjalment meta Malta tinsab lura f'dan ir-rigward. Il-baġit jinkludi wkoll prijoritajiet bħall-finanzjament għat-trasport u l-infrastruttura, finanzjament għall-SMEs u t-triplu tal-baġit attwali għall-Programm Erasmus+. Aħna nagħtu l-appoġġ ukoll lill-agrikoltura - politika importanti ħafna għal Malta - li wkoll se żżomm il-finanzjament tagħha mill-MFF."


Marlene Mizzi (S&D)

“L-MFF għandu jindirizza l-isfidi tal-ġurnata attwali, u huwa għalhekk li nemmen li l-pożizzjoni tal-Parlament hija ċara. Għandna bżonn nippromowvu l-Valuri Ewropej tagħna, billi ninvestu aktar riżorsi finanzjarji biex nindirizzaw l-isfidi tal-lum, li jvarjaw mill-qgħad, għall-migrazzjoni u l-bidla fil-klima. Però għandi riservi tiegħi fuq ċerti emendi li jmorru kontra l-interessi ta’ Malta.”


Passi li jmiss


Il-Parlament issa huwa lest biex jinnegozja mal-Kunsill biex tintlaħaq pożizzjoni komuni. L-adozzjoni tar-Regolament MFF teħtieġ il-kunsens tal-Parlament.


L-MPE jistennew li “jintlaħaq ftehim tajjeb qabel l-elezzjonijiet tal-Parlament Ewropew tal-2019, sabiex jiġi evitat dewmien b’konsegwenzi serji għat-tnedija tal-programmi l-ġodda, kif diġà sar fil-passat.”


Sfond


Madwar 94% tal-baġit tal-UE jintefaq fuq iċ-ċittadini, ir-reġjuni, il-bliet, il-bdiewa, u n-negozji. L-infiq fuq l-amministrazzjoni tal-UE jammonta għal madwar 6% tat-total.