Il-MPE jtemmu l-miżati għoljin għat-telefonati fl-UE u japprovaw sistema ta’ twissija 

Stqarrija 
 
 

Aqsam din il-paġna ma' ħaddieħor: 

  • telefonati trans-konfini fi ħdan l-UE limitati għal 19-il ċenteżmu/minuta, 6 ċenteżmi għall-SMSs
  • Spettru tar-radju adegwat għall-5G sal-2020
  • sistema obbligatorja permezz tal-mobajl li tibgħat twissijiet f’każ ta’ emerġenza (“112 bil-kontra”)

Regoli ġodda li jillimitaw il-miżati għat-telefonati bejn pajjiżi fl-UE, miżuri favur in-networks tal-5G u l-ħolqien ta’ sistema ta’ twissija f’każ ta’ emerġenzi, ġew ivvutati l-Erbgħa.

Ir-regoli l-ġodda ser joffru konnettività b’veloċità għolja u ser jagħmlu li t-telefonati jkunu aktar abbordabbli.


Ir-regoli offru protezzjoni akbar lill-utenti tas-smartphones, inkluż l-utenti ta’ servizzi bbażati fuq l-internet (Skype, WhatsApp, etc.) u jsaħħu l-ħtieġijiet ta’ sigurtà, inkluż l-encryption. Ir-regoli jintroduċu d-dritt li numru tat-telefown jinżamm għal xhar wara li kuntratt ikun ġie mwaqqaf u d-dritt għal rimborż tal-kreditu li ma jkunx għadu intuża meta l-kuntratt jiġi mitmum, kif ukoll kumpens fil-każ ta’ dewmien jew abbuż meta tkun qed issir bidla minn operatur għal ieħor.


Sistema ta’ ”112 bil-kontra” ser issir obbligatorja fl-istati membri kollha biex jiġi żgurat li ċ-ċittadini jkunu allertati b’SMS jew app tal-mobajl f’każ ta’ emmerġenza jew diżastru maġġuri fiż-żona fejn ikunu. L-istati membri ser ikollhom 42 xahar biex jistabbilixxu s-sistema wara li tkun daħlet fis-seħħ id-direttiva.


Passi li jmiss


Wara l-approvazzjoni mill-Kunsill, l-istati membri ser ikollhom sentejn biex jadottaw leġiżlazzjoni nazzjonali biex jimplimentaw id-direttiva. Il-limitazzjonijiet fil-prezzijiet ser jidħlu fis-seħħ fil-15 ta’ Mejju 2019.


Dikjarazzjonijiet minn MPE Maltin


Francis Zammit Dimech (EPP)

"Il-pakkett tat-Telekomunikazzjoni għandu l-għan li jnaqqas l-ispejjeż tat-telefonati għal 19-il ċenteżmu u messaġġi għal 6 ċenteżmi. Fl-aħħar mill-aħħar, dan mhux biss jibbenefikaw minnu l-konsumaturi imma għandu l-potenzjal li jiftaħ il-bibien għal aktar investimenti u fl-aħħar jagħmel konnettività 5g disponibbli fil-pajjiżi Ewropej kollha sal-2020, u b'hekk is-servizzi tat-Telekomunikazzjoni jsiru aktar effiċjenti."


Marlene Mizzi (S&D)

“Il-Parlament Ewropew ivvota biex jitwaqqfu il-kontijiet għoljin għal-telefonati internazzjonali mil-Unjoni. Jiena kburija li bħala kelliema u shadow rapporteur fuq dan ir-rapport leġislattiv ħdimt bla heda sabiex niffinalizzaw din il-leġiżlazzjoni ewlenija - leġislazzjoni li tipprovdi għal-iktar rati aktar baxxi għal telefonati minn Stat Membru għal ieħor. Filwaqt li tipprovdi ukoll għas-sigurtà taċ-ċittadin, permezz tal-introduzzjoni ta' sistema ta' twissija ta' emerġenza li tinnotifika ċ-ċittadin f'każ ta' katastrofi. Dawn huma benefiċċji tanġibbli liċ-ċittadini tagħna.”