Il-President Tajani dwar il-ftehim dwar il-Brexit 

Stqarrija 
 
 

Aqsam din il-paġna ma' ħaddieħor: 

“Il-Brexit huwa l-ewwel nett dwar in-nies. Huwa dwar id-drittijiet taċ-ċittadini, il-protezzjoni tal-paċi fraġli fl-Irlanda ta’ Fuq u l-protezzjoni tal-impjiegi”

“Il-Brexit huwa l-ewwel nett dwar in-nies. Huwa dwar id-drittijiet taċ-ċittadini, il-protezzjoni tal-paċi fraġli fl-Irlanda ta’ Fuq u l-protezzjoni tal-impjiegi effettwati mit-tluq tar-Renju Unit,” qal il-President tal-Parlament Ewropew, Antonio Tajani, wara l-laqgħa man-negozjatur tal-UE dwar il-Brexit, Michel Barnier, matul il-Konferenza tal-Presidenti llum.


“Aħna nemmnu fid-demokrazija u nirrispettaw id-deċiżjoni tal-poplu tar-Renju Unit. It-test maqbul bejn ir-rappreżentanti tal-Unjoni Ewropea u tar-Renju Unit huwa l-ewwel pass fuq triq twila. Madankollu, jien ottimist li l-ftehim ser iwitti t-triq lejn relazzjoni futura tajba bejn l-UE u r-Renju Unit. Kif dejjem għidt, ir-Renju Unit qed jitlaq l-UE, mhux l-Ewropa”, kompla l-President Tajani.


“Nixtieq nirringrazzja lil Michel Barnier tal-ħidma tiegħu u l-ispirtu ta’ kooperazzjoni li fuqha kienet ibbażata r-relazzjoni tagħna. Nixtieq ukoll ngħaraf il-kontribuzzjoni essenzjali li ta l-isteering group dwar il-Brexit tal-Parlament Ewropew.


“Dan il-ftehim għandu jirrifletti li kwalunkwe riżultat ser ikun inqas interessanti mis-sħubija sħiħa, filwaqt li tipproteġi l-interessi tal-UE27 u d-drittijiet taċ-ċittadini. Huwa juri fuq xiex hija bbażata l-UE: is-solidarjetà u l-unità bejn il-membri.


“Nixtieq ukoll nagħmel ċar li dan huwa biss il-bidu ta’ fażi ġdida. Il-Parlament Ewropew ser jintalab japprova l-ftehim u għalhekk ser ikompli jifli l-iżviluppi, biex jiżgura li l-linji ħomor tagħna jiġu garantiti”, temm jgħid il-President Tajani.