L-Istati Membri li jimminaw l-istat tad-dritt jistgħu jitilfu l-fondi tal-UE 

Stqarrija 
Is-sessjoni plenarja 
 
 

Aqsam din il-paġna ma' ħaddieħor: 

  • Mekkaniżmu ġdid biex jiġu protetti l-valuri tal-UE u l-baġit tal-UE
  • Sospensjoni jew tnaqqis tal-ħlasijiet
  • Il-Parlament u l-ministri tal-UE jistgħu iwaqqfu jew jerġgħu jibdew il-ħlasijiet
  • Protezzjoni tal-benefiċjarji bħar-riċerkaturi jew l-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili

Il-gvernijiet li jindaħlu fil-ħidma tal-qrati jew li ma jindirizzawx il-frodi u l-korruzzjoni jirriskjaw li jitilfu l-fondi tal-UE, skont abbozz ta’ liġi adottat il-Ħamis mill-MEPs.

Bl-għajnuna ta’ panel ta’ esperti indipendenti, il-Kummissjoni tal-UE tkun inkarigata biex tistabbilixxi “nuqqasijiet ġeneralizzati fir-rigward tal-istat tad-dritt” u tiddeċiedi dwar il-miżuri adegwati, li jistgħu jinkludu s-sospensjoni tal-ħlasijiet mill-baġit tal-UE jew tnaqqis tal-pre-finanzjament. Id-deċiżjoni tkun implimentata biss ladarba tiġi approvata mill-Parlament u l-Kunsill. Ladarba l-Istat Membru jkun irrimedja n-nuqqasijiet identifikati mill-Kummissjoni, il-Parlament u l-ministri tal-UE jkunu jistgħu jilliberaw il-fondi miżmuma.


Fatturi ta’ tħassib


Il-Kummissjoni tista’ tistabbilixxi li l-istat tad-dritt qed ikun mhedded jekk wieħed jew iżjed minn dawn l-elementi jkunu qed jiġu mminati:


  • il-funzjonament tajjeb tal-awtoritajiet tal-Istat Membru li jimplimentaw il-baġit tal-UE;
  • il-funzjonament tajjeb tal-awtoritajiet tal- Istat Membru li jwettqu l-kontroll finanzjarju;
  • l-investigazzjoni kif imiss tal-frodi - inkluż il-frodi fiskali - tal-korruzzjoni jew illegalitajiet oħra li jaffettwaw l-implimentazzjoni tal-baġit tal-UE;
  • il-kontroll ġuridiku effettiv mill-qrati indipendenti;
  • l-irkuprar tal-fondi li jkunu tħallsu indebitament;
  • il-prevenzjoni u l-penalizazzjoni tal-evażjoni fiskali u l-kompetizzjoni fiskali;
  • il-kooperazzjoni mal-Uffiċċju Ewropew Kontra l-Frodi u, jekk applikabbli, l-Uffiċċju tal-Prosekutur Pubbliku Ewropew.



Sabiex jassisti lill-Kummissjoni, bord ta’ esperti indipendenti intiżi fil-liġi kostituzzjonali u fi kwistjonijiet finanzjarji, magħmul minn espert maħtur mill-parlament nazzjonali ta’ kull Stat Membru u ħamsa nnominati mill-Parlament Ewropew, jivvaluta s-sitwazzjoni fl-Istati Membri kollha fuq bażi annwali u jagħmel sommarju pubbliku tas-sejbiet tiegħu.


Il-ħarsien tal-benefiċjarji aħħarin



Skont l-ambitu tan-nuqqasijiet u l-proċedura tal-immaniġġjar tal-baġit, il-Kummissjoni tista' tiddeċiedi li tieħu miżura waħda jew aktar, inklużi:

• is-sospensjoni tal-impenji,
• l-interruzzjoni ta’ skadenzi għall-ħlas,
• it-tnaqqis tal-pre-finanzjament u
• is-sospensjoni tal-ħlasijiet



Dment li d-deċiżjoni ma tiddikjarax mod ieħor, il-gvern ikollu xorta waħda jimplimenta l-programm jew fond tal-UE rispettiv billi jkompli hu bil-ħlasijiet lill-benefiċjarji aħħarin, bħar-riċerkaturi jew l-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili. Il-Kummissjoni jkollha tgħin lil dawn il-benefiċjarji biex tiżgura li jkunu qed jirċievu l-fondi dovuti lilhom.



Apparti milli tiddeċiedi fuq il-miżuri, il-Kummissjoni jkollha tippreżenta wkoll proposta lill-Parlament u l-ministri tal-UE biex jiġi trasferit ammont ekwivalenti għall-valur tal-miżuri proposti lejn ir-riżerva baġitarja. Ladarba l-Kummissjoni tkun stabbiliet li s-sitwazzjoni rritornat għan-normal, l-ammont iffriżat jiġi żblukkat.


Il-passi li jmiss

L-MEPs issa huma lesti biex jiftħu n-negozjati mal-ministri tal-UE dwar it-test finali. Il-ministri għadhom ma adottawx il-pożizzjoni tagħhom.