Mistoqsijiet u Tweġibiet dwar kwistjonijiet relatati mad-direttiva dwar id-drittijiet tal-awtur diġitali  

Stqarrija 
 
 

Aqsam din il-paġna ma' ħaddieħor: 

Simbolu tad-drittijiet tal-awtur ©AP Images/European Union-EP  

Dawn il-Mistoqsijiet u Tweġibiet jipprovdu tweġibiet għal uħud mill-kwistjonijiet li jitqajmu aktar regolarment fir-rigward tad-direttiva dwar id-drittijiet tal-awtur fis-suq uniku diġitali.


It-test adottat mill-Parlament Ewropew jista’ jinsab hawn.

Q&A ftit aktar dettaljat huwa disponibbli bl-Ingliż, il-Franċiż u l-Ġermaniż.

Dwar xiex titratta d-Direttiva dwar id-Drittijiet tal-Awtur?

Id-"Direttiva dwar id-drittijiet tal-awtur fis-Suq Uniku Diġitali" proposta tfittex li tiżgura li l-persuni kreattivi (pereżempju mużiċisti jew atturi), u pubblikaturi tal-aħbarijiet u ġurnalisti jibbenefikaw mid-dinja online u mill-internet kif jagħmlu mid-dinja offline. Bħalissa, minħabba regoli antikwati tad-drittijiet tal-awtur, il-pjattaformi online u l-aggregaturi tal-aħbarijiet qed jaħsdu l-frott filwaqt li l-artisti, il-pubblikaturi tal-aħbarijiet u l-ġurnalisti jaraw xogħolhom jiċċirkola liberament, u jekk jirċievu rimunerazzjoni, tkun ftit ħafna. Dan jagħmilha diffiċli ħafna għall-artisti u l-professjonisti tal-midja li jaqilgħu għajxien deċenti.

Huwa importanti li wieħed jinnota li l-abbozz ta' direttiva ma joħloqx drittijiet ġodda għall-persuni kreattivi u l-ġurnalisti. Huwa sempliċiment jiżgura li d-drittijiet eżistenti tagħhom jiġu infurzati aħjar. L-abbozz ta' direttiva lanqas ma joħloq obbligi ġodda għall-pjattaformi online jew għall-aggregaturi tal-aħbarijiet. Huwa sempliċiment jiżgura li l-obbligi eżistenti jiġu rispettati aħjar. Dak li attwalment huwa legali u permess li jinqasam ma' ħaddieħor se jibqa' legali u permess li jinqasam.

Fil-qosor:

  • L-abbozz ta' direttiva għandu l-għan li jobbliga lill-pjattaformi l-kbar tal-internet u lill-aggregaturi tal-aħbarijiet (bħal YouTube jew Google News) biex iħallsu lill-ħallieqa tal-kontenut (artisti/mużiċisti/atturi u kumpanniji tal-aħbarijiet u l-ġurnalisti tagħhom) dak li verament ħaqqhom;
  • Mhumiex qed jinħolqu drittijiet jew obbligi ġodda. Dak li attwalment huwa legali u permess li jinqasam ma' ħaddieħor se jibqa' legali u permess li jinqasam.

Id-Direttiva kif se taffettwa lill-utenti ordinarji?

L-abbozz ta' direttiva ma għandux fil-mira tiegħu l-utent ordinarju.

Min-naħa l-oħra, l-abbozz ta' direttiva se jkollu impatt fuq il-pjattaformi kbar online u fuq l-aggregaturi tal-aħbarijiet bħal YouTube ta' Google, Google News jew Facebook, li jagħmilha essenzjali għalihom li jirremuneraw b'mod korrett lill-artisti u lill-ġurnalisti li jimmonetizzawlhom xogħolhom.

Il-pjattaformi kbar online u l-aggregaturi tal-aħbarijiet ser ikollhom aktar raġuni milli kif inhuwa l-każ bħalissa biex jiġu konklużi ftehimiet ta' rimunerazzjoni (liċenzjar) ġusti mal-artisti u l-kmamar tal-midja li jkunu identifikaw ruħhom minn qabel bħala s-sidien ta' biċċa xogħol. Pjattaforma tkun inċentivata aktar biex twassal għal ftehimiet bħal dawn minħabba li, fin-nuqqas tagħhom, tkun direttament responsabbli jekk tospita biċċa xogħol mingħajr ma tkun ħallset liċenzja għaliha. Il-leġiżlazzjoni attwali toffri aktar ċans għall-pjattaformi biex jaħarbu minn din ir-responsabbiltà.

Huwa mistenni li l-abbozz ta' direttiva se jagħti spinta lill-pjattaformi online biex finalment ifasslu politika biex iħallsu b'mod ġust lil dawk kollha li jagħmlu flushom minn fuqhom.


Id-Direttiva ser taffettwa l-libertà tal-internet jew ser twassal għal ċensura tal-internet?

Il-libertà fuq l-internet, bħal fid-dinja reali, ser tibqa' teżisti sakemm l-eżerċizzju ta' din il-libertà ma jillimitax id-drittijiet ta' oħrajn, jew huwa illegali. Dan ifisser li utent ser ikun jista' jkompli jtella' l-kontenut fuq pjattaformi tal-internet u li dawn il-pjattaformi jkunu jistgħu jkomplu jospitaw dawn l-uploads, sakemm il-pjattaformi jkunu jirrispettaw id-dritt tal-ħallieqa tal-kontenut għal remunerazzjoni ġusta. Bħalissa, il-pjattaformi online jirremuneraw lill-ħallieqa tal-kontenut fuq bażi volontarja u b'mod limitat ħafna biss minħabba li ma għandhom l-ebda responsabbiltà għall-kontenut li jospitaw u għalhekk m'għandhom l-ebda inċentiv jew ftit li xejn biex jilħqu ftehimiet mad-detenturi tad-drittijiet.

Id-Direttiva mhux se tkun sors ta' ċensura. Billi żżid ir-responsabbiltà legali, id-direttiva se żżid il-pressjoni fuq il-pjattaformi tal-internet biex jikkonkludu ftehimiet ta' remunerazzjoni ġusti mal-ħallieqa tax-xogħolijiet li permezz tagħhom il-pjattaformi jagħmlu l-flus. Din mhijiex ċensura.


Id-Direttiva qed toħloq filtri awtomatiċi fuq pjattaformi online?

Le.

Id-Direttiva tistabbilixxi għan li għandu jintlaħaq - Pjattaforma online m'għandhiex taqla' flus minn materjal maħluq min-nies mingħajr ma tikkumpensahom. Għalhekk, pjattaforma hija legalment responsabbli jekk hemm kontenut fuq is-sit tagħha li għalih ma tkunx ħallset b'mod xieraq lill-ħallieq tiegħu. Dan ifisser li dawk li x-xogħol tagħhom jintuża illegalment jistgħu jfittxu lill-pjattaforma.

Madankollu, id-direttiva ma tispeċifikax u lanqas ma telenka liema għodod, riżorsi umani jew infrastruttura jistgħu jkunu meħtieġa biex tipprevjeni li materjal mhux imħallas jidher fuq is-sit. Għalhekk ma hemm l-ebda rekwiżit ta' filtri għall-kontenut li jittella'.


Madankollu, jekk pjattaformi kbar ma joħorġux bi kwalunkwe soluzzjoni innovattiva, dawn jistgħu jispiċċaw jagħżlu li jużaw filtri. Filtri bħal dawn diġà huma użati mill-kumpaniji l-kbar! Il-kritika li dawn xi kultant jiffiltraw u jirrifjutaw kontenut leġittimu kultant tista' tkun valida. Iżda għandha tkun diretta lejn il-pjattaformi li jfassluhom u jimplimentawhom, mhux fil-konfront tal-leġiżlatur li qed jistabbilixxi għan li jrid jintlaħaq - kumpanija għandha tħallas għall-materjal li tuża biex tagħmel profitt. Għan li, fid-dinja reali, mhuwiex ikkontestat u huwa infurzat.


Fl-aħħar nett, id-direttiva miftiehma saħansitra fiha dispożizzjonijiet li jiżguraw li kontenut imtella', li inġustament jitneħħa, jista' jiġi appellat mill-utent permezz ta' sistemi ta' rimedju li permezz tagħhom jistgħu jsiru lmenti u tittieħed azzjoni malajr.


Din id-direttiva taffettwa b'mod negattiv il-memes jew il-GIFs?

Pjuttost bil-maqlub.


Id-direttiva kif miftiehma għandha dispożizzjonijiet speċifiċi li jobbligaw lill-Istati Membri jipproteġu l-uploading u l-qsim bla ħlas ta' xogħlijiet għall-finijiet ta' kwotazzjoni, kritika, reviżjoni, karikatura, parodija jew pastiche. Ovvjament, dan jiżgura li l-memes u l-GIFs jibqgħu jkunu disponibbli. Id-dispożizzjonijiet fil-fatt jiżguraw li dawn se jkunu aktar sikuri minn qabel, għax qabel, il-protezzjoni għal xogħlijiet bħal dawn kienet mogħtija minn liġijiet nazzjonali differenti, li jwassal għal differenzi bejn l-Istati Membri.


Se jkun possibbli li tara silta qasira meta taqra jew tixxerja artikli fl-aggregaturi tal-aħbarijiet?

Iva.


Il-Ftehim jippermetti lill-pubblikaturi tal-istampa jitolbu ftehimiet ta' liċenzjar mill-aggregaturi tal-aħbarijiet għall-użu tal-oġġetti tagħhom. Madankollu, l-aggregaturi tal-aħbarijiet se jkunu jistgħu jkomplu juru siltiet mingħajr ma jeħtieġu awtorizzazzjoni mill-pubblikaturi tal-istampa. Dan se jkun possibbli sakemm is-silta tkun "estratt qasir ħafna" jew "kliem individwali" u li l-aggregatur tal-aħbarijiet ma jitqiesx li jkun qed jabbuża minn din il-faċilità.


Din id-direttiva se toqtol l-istart ups...

Le.


Il-ftehim joffri protezzjoni speċifika għal pjattaformi start up. Il-pjattaformi li għandhom inqas minn 3 snin, li għandhom fatturat annwali ta' inqas minn EUR 10 miljun, u anqas minn 5 miljun viżitaturi uniċi fix-xahar, se jkunu soġġetti għal obbligi ħafna eħfef minn dawk kbar stabbiliti.


Hemm minn qed isostni li l-Artikolu 13 jista' jwassal biex xogħol jitneħħa meta d-detentur tad-drittijiet ma jkunx magħruf. Ingħata l-eżempju tad-diska popolari Despacito...

L-għan tal-abbozz tal-Artikolu 13 huwa li jagħti lill-artisti pożizzjoni aktar b'saħħitha biex jinvokaw id-drittijiet tagħhom għal kumpens ġust meta xogħolhom ikun użat u ddistribwit online minn oħrajn. Tipikament, artist ikun informa pjattaformi bħal YouTube li xogħol speċifiku huwa tiegħu. Huwa għalhekk improbabbli li xogħlijiet li għalihom mhuwiex magħruf id-detentur tad-drittijiet ser jesponu lil pjattaforma għal responsabbiltà jekk jittellgħu hemmhekk.


Ġie sostnut ukoll li d-direttiva ser ikollha impatt negattiv ħafna fuq l-għajxien ta' mijiet ta' eluf ta' persuni...

Huwa aktar probabbli li l-kuntrarju jkun il-każ.


L-intenzjoni tad-direttiva hija li tgħin biex jiġu pprovduti għadd kbir ta' nies bl-għajxien li jistħoqqilhom għal xogħolhom, u li jeħtieġu jkomplu joħolqu. L-abbozz ta' direttiva għandu l-għan li jiżgura li aktar flus imorru għand l-artisti u l-ġurnalisti aktar milli għand l-azzjonisti ta' Google, trasferiment ta' riżorsi li huwa dejjem ta' benefiċċju għall-impjiegi.


Għaliex kien hemm ħafna kritika kontra d-direttiva?

Din id-direttiva kienet is-suġġett ta' kampanji intensivi. Fil-fatt, xi statistika fil-Parlament Ewropew turi li fil-passat, l-MEPs rari jew saħansitra qatt ma kienu soġġetti għal grad simili ta' lobbying (permezz ta' telefonati, emails, eċċ.).

Kampanji ħorox bħal dawn ġeneralment iwasslu għal stqarrijiet sensazzjonali li jispiċċaw fix-xejn; hemm minn sostna li l-abbozz tad-direttiva jirriskja "li jkisser l-internet", jew saħansitra "li joqtol l-internet". Peress li l-abbozz ta' direttiva ma jagħti l-ebda drittijiet ġodda lill-persuni kreattivi, u lanqas ma jimponi obbligi ġodda fuq pjattaformi tal-internet jew l-aggregaturi tal-aħbarijiet, stqarrijiet bħal dawn jidhru eċċessivi.

Hemm diversi preċedenti ta' kampanji ta' lobbying li jipprevedu riżultati katastrofiċi, li imbagħad qatt ma seħħew.


Pereżempju, il-kumpaniji tat-telekomunikazzjoni kienu sostnew li l-kontijiet tat-telefon kienu ser jiżdiedu b'rata eżaġerata bħala riżultat ta' limiti massimi fuq it-tariffi tar-roaming; il-lobbies tat-tabakk u tar-ristoranti sostnew li n-nies kienu ser jieqfu jmorru fir-ristoranti u l-barijiet minħabba l-projbizzjoni tat-tipjip fil-barijiet u r-ristoranti; il-banek kienu sostnew li kien ser ikollhom jieqfu jselfu lin-negozji u lin-nies, minħabba liġijiet aktar stretti dwar kif joperaw u l-lobby favur id-"duty free" sostna wkoll li l-ajruporti kienu se jagħlqu minħabba t-tmiem tax-xiri tad-"duty free" fis-suq uniku. Xejn minn dan ma seħħ.


L-għan ewlieni ta' din id-direttiva huwa li jiġu protetti l-ħallieqa ż-żgħar tal-kontenut?

Għalkemm id-direttiva għandha l-għan li tgħin lill-ħallieqa kollha tal-kontenut ikollhom pożizzjoni ta' negozjar aktar b'saħħitha dwar kif ix-xogħol tagħhom jintuża minn pjattaformi online, il-benefiċjarji ewlenin se jkunu l-atturi iżgħar. Ħafna drabi atturi akbar ikollhom ditti legali biex jissalvagwardjaw id-drittijiet tagħhom, filwaqt li dawk iżgħar bħalissa ftit li xejn għandhom mezzi biex jappoġġawhom.