Venezwela: Il-Parlament jirrikonoxxi lil-Guaidó u jħeġġeġ lill-UE biex tagħmel bħalu 

Stqarrija 
 
 

Aqsam din il-paġna ma' ħaddieħor: 

  • Il-MPE jirrifjutaw kull tentattiv li juża l-vjolenza biex tiġi riżolta l-kriżi
  • Ħolqien ta’ grupp ta’ kuntatt biex jiġi faċilitat qbil dwar elezzjonijiet ġodda
  • Waqfien tal-ksur tad-drittijiet umani kollha
  • Sejħa biex jinħelsu immedjatament il-ġurnalisti kollha arrestati

Il-Parlament Ewropew irrikonoxxa lil Juan Guaidó nhar il-Ħamis bħala l-President leġittimu ad interim tal-Venezwela, skont il-kostituzzjoni tal-Venezwela.

Huma ħeġġew lill-kap tad-diplomazija tal-UE, Federica Mogherini, u l-istati membri biex huma wkoll jirrikonoxxu lil Guaidó “bħala l-uniku president ad interim leġittimu tal-pajjiż sakemm jiġu organizzati elezzjonijiet presidenzjali ħielsa, trasparenti u kredibbli biex titreġġa’ d-demokrazija”.


F’riżoluzzjoni, adottata b’439 vot favur, 104 voti kontra u 88 astensjoni, huma tennew l-appoġġ sħiħ Iill-Assemblea Nazzjonali, l-uniku korp demokratikament leġittimu, u qalu li l-poteri tiegħu għandhom jiġu restawrati u rispettati, inkluż id-drittijiet u s-sigurtà tal-membri tiegħu.


Wara r-rikonoxximent ta’ Juan Guaidó, l-UE u l-istati membri għandhom ukoll jirrikonoxxu r-rappreżentanti maħtura mill-awtoritajiet leġittimi, tgħid ukoll ir-riżoluzzjoni.


Responsabbiltà għal dawk li wettqu l-vjolenza


Il-MPE ikkundannaw il-vjolenza ħarxa u talbu lill-awtoritajiet de facto tal-Venezwela biex itemmu l-ksur kollha tad-drittijiet tal-bniedem, biex iżommu dawk responsabbli tal-ksur, u jiżguraw li d-drittijiet fundamentali u d-drittijiet umani kollha jkunu rispettati bis-sħiħ.


F’dan ir-rigward, huma jappoġġaw is-sejħa tas-Segretarju Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti għal investigazzjoni indipendenti u sħiħa tal-qtil li sar.


Huma kkundannaw ukoll l-arrestazzjoni ta’ ġurnalisti li qed ikopru s-sitwazzjoni fil-Venezwela, fosthom bosta persuni mill-UE, u sejħu għall-ħelsien immedjat tagħhom.


Holqien ta’ grupp ta’ kuntatt


Il-MPE appellaw lir-Rappreżentant Għoli biex joħloq grupp ta’ kuntatt flimkien mal-pajjiżi fir-reġjun u atturi ċentrali oħra, kif intalab fil-konklużjonijiet tal-Kunsill tal-15 ta’ Ottubru 2018, li jkun jista’ jservi ta’ medjatur biex jintlaħaq qbil biex jinżammu elezzjonijiet “ħielsa, trasparenti u kredibbli bbażati fuq kalendarju maqbul, ... u b’osservazzjoni internazzjonali”.