Il-Parlament Ewropew japprova regoli ġodda dwar id-drittijiet tal-awtur għall-internet 

Stqarrija 
 
 

Aqsam din il-paġna ma' ħaddieħor: 

Ir-regoli l-ġodda, li fihom ukoll salvagwardji dwar il-libertà tal-espressjoni, ser jgħinu l-artisti u l-pubblikaturi tal-aħbarijiet biex jinnegozjaw mal-ġganti tal-internet.

  • Il-pjattaformi tal-Internet huma responsabbli għall-kontenut li l-utenti jtellgħu
  • Xi materjal li jittella', bħall-memes jew GIFs, issa speċifikament eskluż mid-direttiva
  • Il-hyperlinks għall-artikli tal-aħbarijiet, akkumpanjati minn “kliem individwali jew estratti qosra ħafna”, jistgħu jitqassmu liberament
  • Il-ġurnalisti għandhom jiksbu sehem minn kwalunkwe dħul relatat mad-drittijiet tal-awtur miksub mill-pubblikatur tal-aħbarijiet tagħhom
  • In-negozji l-ġodda soġġetti għal obbligi inqas riġidi

Bis-saħħa tar-regoli l-ġodda dwar id-drittijiet tal-awtur li fihom ukoll salvagwardji dwar il-libertà tal-espressjoni, l-artisti u l-pubblikaturi tal-aħbarijiet se jkollhom is-setgħa li jinnegozjaw mal-ġganti tal-internet.


Il-MPE adottaw id-direttiva fil-plenarja b’348 vot favur, 274 kontra u 36 astensjoni. Dan jimmarka t-tmiem tal-proċess leġiżlattiv għall-Parlament Ewropew li beda fl-2016. Issa se jkun f'idejn l-Istati Membri li japprovaw id-deċiżjoni tal-Parlament fil-ġimgħat li ġejjin. Jekk l-Istati Membri jaċċettaw it-test adottat mill-Parlament Ewropew, dan jidħol fis-seħħ wara li jkun ippubblikat fil-ġurnal uffiċjali u mbagħad l-Istati Membri jkollhom sentejn biex jimplimentawh.


Id-direttiva għandha l-għan li tiżgura li d-drittijiet u l-obbligi li ilhom jeżistu tal-liġi dwar id-drittijiet tal-awtur japplikaw ukoll għall-internet. YouTube, Facebook u Google News huma wħud mill-ismijiet tal-internet magħrufa ferm mill-pubbliku li l-aktar se jkunu affettwati direttament minn din il-leġiżlazzjoni.


Id-direttiva għandha wkoll l-għan li tiżgura li l-internet jibqa' spazju għal-libertà tal-espressjoni.


Konferenza għall-istampa mar-rapporteur Axel Voss, il-Viċi President tal-Kummissjoni u l-MPE Helga Trupel u Sajjad Karim seħħet wara l-vot u tista' tiġi segwita hawnhekk.


Il-ġganti tat-teknoloġija għandhom jaqsmu d-dħul mal-artisti u l-ġurnalisti


Id-direttiva għandha l-għan li ttejjeb iċ-ċansijiet tad-detenturi tad-drittijiet, notevolment il-mużiċisti, l-artisti u l-awturi tal-iskritturi, l-artisti kreattivi kif ukoll il-pubblikaturi tal-aħbarijiet, biex jinnegozjaw ftehimiet aħjar ta' remunerazzjoni għall-użu tax-xogħlijiet tagħhom meta dawn jidhru fuq il-pjattaformi tal-internet. Din tagħmel dan billi tagħmel il-pjattaformi tal-internet responsabbli direttament għall-kontenut imtella' fuq is-sit tagħhom u billi awtomatikament tagħti d-dritt lill-pubblikaturi tal-aħbarijiet biex jinnegozjaw ftehimiet f'isem il-ġurnalisti tagħhom għal ġrajjiet tal-aħbarijiet użati minn aggregaturi tal-aħbarijiet.


Il-ħarsien tal-libertà tal-espressjoni


Hemm bosta dispożizzjonijiet imfassla speċifikament biex jiżguraw li l-internet jibqa' spazju għal-libertà tal-espressjoni.


Billi l-kondiviżjoni ta' siltiet qosra (snippets) ta' artikli tal-aħbarijiet huwa speċifikament eskluż mill-ambitu tad-direttiva, din tista' titkompla eżattament bħal qabel. Madankollu, id-direttiva fiha wkoll dispożizzjonijiet biex tevita li l-aggregaturi tal-aħbarijiet jabbużaw minn dan. Is-“silta qasira” għalhekk tista’ tkompli tidher fin-newsfeed tal-Google News, per eżempju, jew meta artiklu jitqassam fuq Facebook, sakemm din tkun “qasira ħafna".


L-uploading ta’ xogħlijiet protetti għall-kwotazzjoni, il-kritika, ir-reviżjoni, il-karikatura, il-parodija jew il-pastiche ġie protett saħansitra iktar milli kien qabel, waqt li ġie żgurat li l-memes u l-Gifs jibqgħu jkunu disponibbli u jibqgħu jistgħu jitqassmu fuq pjattaformi online.


Ħafna pjattaformi onlajn mhux ser jiġu affettwati


It-test jispeċifika wkoll li meta' xogħlijiet jittellgħu fuq enċiklopediji online b'mod mhux kummerċjali, bħall-Wikipedija, jew pjattaformi ta' software ta' sors miftuħ, bħal GitHub, dawn awtomatikament jiġu esklużi mill-kamp ta' applikazzjoni ta' din id-direttiva. Il-pjattaformi ġodda (start-ups) se jkunu soġġetti għal obbligi inqas riġidi minn dawk aktar stabbiliti.


Drittijiet ta' negozjar aktar b'saħħithom għall-awturi u l-artisti


L-awturi u l-artisti se jkunu jistgħu jitolbu rimunerazzjoni addizzjonali mid-distributur li jisfrutta d-drittijiet tagħhom meta r-remunerazzjoni miftiehma oriġinarjament tkun baxxa b'mod sproporzjonat meta mqabbla mal-benefiċċji miksuba mid-distributur.


Għajnuna lir-riċerka l-aktar avvanzata u l-ħarsien tal-wirt


Id-direttiva għandha l-għan li tagħmilha aktar faċli li l-materjal protett mid-drittijiet tal-awtur jintuża liberament permezz tal- estrazzjoni ta' testi u ta' data, u b'hekk jitneħħa żvantaġġ kompetittiv sinifikanti li r-riċerkaturi Ewropej attwalment jiffaċċjaw. Hija tistipula wkoll li r-restrizzjonijiet tad-drittijiet tal-awtur ma japplikawx għall-kontenut użat għat-tagħlim jew l-illustrazzjoni.


Finalment, id-direttiva tippermetti wkoll li materjal protett mid-drittijiet tal-awtur jintuża bla ħlas biex jitħares il-wirt kulturali. Xogħlijiet barra mill-kummerċ jistgħu jintużaw fejn ma tkun teżisti l-ebda organizzazzjoni ta' mmaniġġjar kollettiv li tista' toħroġ liċenzja.


Kif din id-direttiva tbiddel l-istatus quo


Bħalissa, il-kumpaniji tal-internet ftit li xejn għandhom inċentiv biex jiffirmaw ftehimiet ġusti ta' liċenzjar mad-detenturi tad-drittijiet, minħabba li mhumiex ikkunsidrati responsabbli għall-kontenut li l-utenti jtellgħu. Huma obbligati biss li jneħħu kontenut li jikser id-drittijiet meta detentur tad-drittijiet jitlobhom jagħmlu hekk. Madankollu, dan huwa ta' xkiel għad-detenturi tad-drittijiet u ma jiggarantilhomx dħul ġust. Li l-kumpaniji tal-internet isiru responsabbli se jsaħħaħ iċ-ċansijiet tad-detenturi tad-drittijiet (notevolment il-mużiċisti, l-artisti u l-awturi tal-iskritturi, kif ukoll pubblikaturi tal-aħbarijiet u ġurnalisti) li jiżguraw ftehimiet ġusti ta' liċenzjar, u b'hekk jiksbu remunerazzjoni aktar ġusta għall-użu tax-xogħlijiet tagħhom sfruttati b'mod diġitali.


Kwotazzjoni mir-rapporteur, Axel Voss (PPE, DE)

“Din id-direttiva hija pass importanti biex tiġi kkorreġuta s-sitwazzjoni li ppermettiet li ftit kumpaniji jaqilgħu somom kbar ta' flus mingħajr ma jiġu remunerati sew l-eluf ta' artisti kreattivi u ġurnalisti li fuq ix-xogħol tagħhom huma jiddependu.


Fl-istess ħin, it-test adottat fih bosta dispożizzjonijiet li jiggarantixxu li l-internet jibqa’ spazju għall-espressjoni ħielsa. Dawn id-dispożizzjonijiet ma kinux fihom infushom meħtieġa, għax id-direttiva mhix se toħloq drittijiet ġodda għad-detenturi tad-drittijiet. Madankollu, aħna smajna t-tħassib li tqajjem u għażilna li niggarantixxu darbtejn il-libertà tal-espressjoni. Il-“meme”, il-“gif”, u s-“silta qasira” issa huma protetti aktar minn qatt qabel.


Ninsab ukoll sodisfatt li t-test miftiehem illum jipproteġi b'mod partikulari lin-negozji ġodda. Il-kumpaniji ewlenin ta’ għada huma dawk ġodda tal-lum u d-diversità tiddependi fuq riserva kbira ta’ kumpaniji innovattivi, dinamiċi u żgħażagħ.


Din hija direttiva li tipproteġi l-għajxien tan-nies, tissalvagwardja d-demokrazija billi tiddefendi xenarju tal-midja varjat, isaħħaħ il-libertà tal-espressjoni, u tinkoraġġixxi n-negozji ġodda u l-iżvilupp teknoloġiku. Hija tgħin biex l-internet ikun lest għall-futur, u jkun spazju li jibbenefika lil kulħadd, u mhux biss lil ftit b'saħħithom."