Il-Parlament jissiġilla l-projbizzjoni fuq il-plastik li jintrema wara l-użu sal-2021 

Stqarrija 
 
 

Aqsam din il-paġna ma' ħaddieħor: 

  • Il-pożati li jintużaw darba biss, il-cotton buds, l-istraws u l-ħawwada tax-xorb magħmula mill-plastik se jiġu pprojbiti mill-2021
  • Objettiv ta’ ġbir ta’ 90% tal-fliexken tal-plastik sal-2029
  • Applikazzjoni aktar rigoruża tal-prinċipju ta’ “min iniġġes iħallas”

L-Erbgħa, il-Parlament approva liġi ġdida li tipprojbixxi oġġetti tal-plastik li jintużaw darba biss bħal platti, pożati, straws u stikek tal-cotton buds.

560 MPE ivvutaw favur il-ftehim mal-ministri tal-UE, 35 ivvutaw kontra u 28 astjenew.

Il-prodotti li ġejjin se jiġu pprojbiti fl-UE mill-2021:

  • Pożati tal-plastik li jintużaw darba biss (frieket, skieken, mgħaref u chopsticks)
  • Platti tal-plastik li jintużaw darba biss
  • Straws tal-plastik
  • Stikek tal-cotton buds magħmulin mill-plastik
  • Stikek tal-bżieżaq magħmulin mill-plastik
  • Plastiks u kontenituri tal-ikel ossodegradabbli u tazez tax-xorb tal-polisterin tal-foam

Objettiv ġdid għar-riċiklaġġ u responsabilità akbar għall-produtturi


L-Istati Membri se jkollhom jilħqu objettiv ta’ ġbir ta’ 90% għall-fliexken tal-plastik sal-2029, u l-fliexken tal-plastik irid ikun fihom mill-inqas 25% ta’ kontenut riċiklat sal-2025 u 30% sal-2030.


Il-ftehim isaħħaħ ukoll l-applikazzjoni tal-prinċipju ta’ min iniġġes iħallas, partikolarment għat-tabakk, billi jintroduċi r-responsabbiltà estiża għall-produtturi. Dan ir-reġim il-ġdid se japplika wkoll għall-irkaptu tas-sajd, biex jiżgura li l-manifatturi, u mhux is-sajjieda, ibatu l-ispejjeż tal-ġbir ta' xbieki li jintilfu fil-baħar.


Il-leġiżlazzjoni fl-aħħar nett tistipula li t-tikkettar fuq l-impatt ambjentali negattiv tat-tfigħ tas-sigarretti b’filtri tal-plastik fit-toroq għandu jkun obbligatorju, kif ukoll għal prodotti oħrajn bħat-tazzi tal-plastik, wet wipes u pads sanitarji.


Kwotazzjoni


Il-MPE b’responsabilità ewlenija għall-fajl leġiżlattiv Frédérique Ries (ALDE, BE) qalet: "Din il-leġiżlazzjoni se tnaqqas il-prezz tal-ħsara ambjentali b'€22 biljun - li hija l-ispiża stmata tat-tniġġis tal-plastik fl-Ewropa sal-2030.

"L-Ewropa issa għandha mudell leġiżlattiv li tista’ tiddefendi u tippromwovi fuq livell internazzjonali, fid-dawl tan-natura globali tal-kwistjoni tat-tniġġis tal-baħar li jinvolvi l-plastik. Dan huwa essenzjali għall-pjaneta.”


L-isfond


Skont il-Kummissjoni Ewropea, aktar minn 80% taż-żibel li jispiċċa fil-baħar huwa plastik. Il-prodotti koperti minn din il-liġi l-ġdida jikkostitwixxu 70% tal-oġġetti kollha ta’ skart fil-baħar. Minħabba r-rata bil-mod ta' dekompożizzjoni, il-plastik jakkumula fl-ibħra, l-oċeani u fuq il-bajjiet fl-UE u madwar id-dinja. Residwi tal-plastik instabu fi speċijiet tal-baħar - bħal fkieren tal-baħar, foki, balieni u għasafar, iżda wkoll fil-ħut u l-molluski, u għaldaqstant, fil-katina tal-ikel tal-bniedem.