Il-Parlament jappoġġa limiti għall-emissjonijiet ta’ CO2 għall-karozzi u l-vannijiet 

Stqarrija 
 
 

Aqsam din il-paġna ma' ħaddieħor: 

  • Tnaqqis tas-CO2 ta’ 5% għall-karozzi l-ġodda u 31% għall-vannijiet il-ġodda sal-2030
  • Miżuri biex jiġi indirizzat l-impatt soċjali tat-tranżizzjoni lejn inqas karbonju
  • Il-Kummissjoni għandha tfassal metodoloġija biex jiġu kkalkolati l-emissjonijiet kollha kkawżati minn vettura, inkluż il-produzzjoni tagħha

Pjanijiet biex jitnaqqsu l-emissjonijiet b’effett ta’ serra tal-karozzi u l-vannijiet sal-2030, diġà informalment innegozjati mal-ministri tal-UE, ġew approvati mill-MPE l-Erbgħa.

Miriam Dalli (S&D, MT), l-MPE li mexxiet in-negozjati għall-Parlament Ewropew wara l-vot qalet, “Il-Parlament iġġieled biex il-proposta tkun kredibbli u twassal għal benefiċċji veritabbli fl-oqsma tas-saħħa, tal-konsumaturi u tal-innovazzjoni. Irnexxielna niksbu dan minkejja oppożizzjoni ħarxa mill-industrija tal-karozzi u ċerti stati membri li rrifjutaw jagħrfu l-opportunitajiet li ser jinħolqu minħabba l-mira aktar ambizzjuża”.


It-test ġie adottat 521 vot favur, 63 vot kontra u 34 astensjoni.  Il-leġiżlazzjoni issa jmissha tgħaddi quddiem il-Kunsill biex tiġi adottata.


L-MPE u l-ministri tal-UE qablu li jkun hemm mira aktar ambizzjuża għat-tnaqqis tal-emissjonijiet tal-karozzi l-ġodda (37.5%) sal-2030 meta mqabbel ma’ dik proposta mill-Kummissjoni Ewropea (30%). Il-leġiżlazzjoni tistabbilixxi wkoll mira għat-tnaqqis tas-CO2 tal-vannijiet il-ġodda ta’ 31% sal-2030.


L-impatt soċjali tat-tranżizzjoni lejn inqas karbonju


Il-produtturi li l-medja tal-emissjonijiet tal-vetturi tagħhom taqbeż il-limiti ser ikollhom iħallsu miżata għall-eċċess tal-emissjonijiet. Sal-2023, il-Kummissjoni Ewropea ser ikollha tivvaluta jekk id-dħul minn dawn il-miżati għandux jiġi allokat għal fond speċifiku li jgħin it-tranżizzjoni lejn il-mobilità b’żero emissjonijiet u li jappoġġa t-taħriġ tal-ħaddiema fis-settur tal-produzzjoni tal-karozzi.


Analiżi taċ-ċiklu tal-ħajja


Il-liġi l-ġdida teħtieġ li għandhom jiġu vvalutati l-emissjonijiet kollha kkawżati minn vettura, inkluż il-produzzjoni tagħha. Għalhekk, il-Kummissjoni hija inkarigata wkoll biex tevalwa jekk għandhiex tiġi stabbilita metodoloġija komuni għall-valutazzjoni u r-rappurtar konsistenti tad-data, mhux aktar tard mill-2023. Jekk jiġi kkunsidrat xieraq, għandha imbagħad tiġi proposta leġiżlazzjoni.


Sfond


It-trasport huwa l-uniku settur fl-UE li ma rreġistrax tnaqqis sinifikattiv fil-gassijiet b’effett ta’ serra mill-1990. Ċifri mill-Aġenzija Ewropea tal-Ambjent juru li mill-mezzi kollha tat-trasport fl-UE, it-trasport bit-triq huwa l-aktar responsabbli għall-gassijiet b’effett ta’ serra (72.9% fl-2016), u huwa responsabbli għal madwar 20% tal-emissjonijiet ta’ gassijiet b’effett ta’ serra tal-UE.