Regoli ġodda Ewropej għall-protezzjoni tal-whistle-blowers 

Stqarrija 
Is-sessjoni plenarja 
 
 

Aqsam din il-paġna ma' ħaddieħor: 

  • Sistema ġdida li tipproteġġi u tiffaċilita r-rappurtar ta’ irregolaritajiet
  • Il-whistle-blowers ser ikunu jistgħu jagħżlu bejn rappurtar intern jew estern
  • Protezzjoni kontra reazzjonijiet negattivi minn min jimpjegahom

Dawk li jikxfu informazzjoni miksuba matul ix-xogħol tagħhom, dwar attivitajiet illegali jew dannużi, ser jiġu protetti aħjar, skont regoli ġodda approvati t-Tlieta.

Ir-regoli l-ġodda, li diġà kien hemm qbil dwarhom mal-ministri tal-UE, jistabbilixxu standards madwar l-UE kollha biex il-whistle-blowers ikunu jistgħu jiżvelaw ksur tal-liġijiet tal-UE f’bosta oqsma bħall-akkwist pubbliku, is-servizzi finanzjarji, il-ħasil tal-flus, is-sigurtà tal-prodotti u t-trasport, is-saħħa pubblika, il-protezzjoni tal-konsumatur, u l-protezzjoni tad-data.


Kanali siguri għar-rappurtar


Ir-regoli ser jippermettu lill-whistle-blowers biex jikxu informazzjoni permezz ta’ kanali interni lill-entità ikkonċernata jew direttament lill-awtoritajiet kompetenti nazzjonali jew l-istituzzjonijiet, il-korpi jew l-aġenziji rilevanti tal-UE.


F’każijiet fejn ma tkun ittieħdet l-ebda azzjoni xierqa b’riżultat tar-rapport inizjali tal-whistle-blower, jew jekk jemmnu li hemm periklu imminenti għall-interessi pubbliċi jew riskju ta’ ritaljazzjoni, il-whistle-blower xorta jkun protett jekk jagħżel li jikxef l-informazzjoni pubblikament.


Protezzjoni kontra ritaljazzjonijiet


Il-liġi tipprojbixxi espliċitament ir-ritaljazzjonijiet u tintroduċi protezzjonijiet biex il-whistle-blower ma jkunx jista’ jiġi sospiż, imniżżel grad, intimidat jew jiġi kkonfrontat b’forom oħra ta’ ritaljazzjoni. Dawk li jgħinu lill-whistle-blowers, bħal faċilitaturi, kollegi u qrabat, għandhom ukoll jibbenefikaw minn protezzjoni.


L-istati membri jridu jiżguraw li l-whistle-blowers ikollhom aċċess għal informazzjoni sħiħa u indipendenti dwar il-proċeduri u r-rimedji b’xejn disponibbli, kif ukoll għajnuna legali matul il-proċedimenti. Matul proċedimenti legali, il-whistle-blowers jistgħu wkoll jirċievu appoġġ finanzjarju u psikoloġiku.


Il-passi li jmiss


Il-liġi issa trid tiġi approvata mill-ministri tal-UE. L-istati membri mbagħad ikollhom sentejn biex jikkonformaw mar-regoli.