Elezzjonijiet Ewropej 2019: Turnout rekord grazzi għaż-żgħażagħ  

Stqarrija 
 
 

Aqsam din il-paġna ma' ħaddieħor: 

  • L-akbar żieda fit-turnout hija fil-gruppi ta’ età ta’ taħt il-25 sena u tal-25-39 sena
  • Żdiedu n-nies li jaħsbu li l-vot tagħhom jgħodd
  • L-ekonomija u l-klima kienu ż-żewġ prijoritajiet l-aktar fuq moħħ in-nies
  • Għall-Maltin l-ikbar tħassib kien dwar l-immigrazzjoni u l-bidla fil-klima

Iż-żieda fit-turnout fl-elezzjonijiet Ewropej 2019 kienet dovuta l-aktar għall-parteċipazzjoni taż-żgħażagħ, skont stħarrig tal-Ewrobarometru ikkummissjonat mill-Parlament Ewropew f’Ġunju.

Speċifikament, dawk li vvutaw li huma taħt il-25 sena żdiedu b’14-il punt perċentwali u dawk bejn 25-39 sena żdiedu b’12-il punt perċentwali.


It-turnout fl-elezzjonijiet ta’ Mejju kien ta’ 50.6% - l-ogħla mill-1994. It-turnout żdied f’19-il stat membru meta mqabbel mal-elezzjonijiet tal-2014 u naqas ftit fi tmienja, fost dawn Malta, bi 2.1%.


“Iż-żieda importanti fit-turnout turi li n-nies, speċjalment iż-żgħażagħ, jagħtu importanza għad-drittijiet demokratiċi u jemmnu li l-UE hija aktar b’saħħitha meta tkun maqgħuda”, qal David Sassoli, il-President tal-Parlament Ewropew.


Ir-riżultati juru li l-votanti fl-elezzjonijiet Ewropej tal-2019 kienu motivati minn sens akbar ta' dmir ċiviku, sens li l-vot tagħhom jista’ jibdel l-affarijiet, kif ukoll iktar appoġġ lejn l-UE.

Fuq livell ta’ medja fl-UE, l-istudju jsib l-ekonomija u t-tkabbir (44%) kif ukoll it-tibdil fil-klima (37%) kienu l-iktar element ta’ motivazzjoni għall-votazzjoni, waqt li elementi oħra sinifikanti kienu d-drittijiet tal-bniedem u d-demokrazija (37%), il-mod kif l-UE għandha taħdem fil-futur (36%), u l-immigrazzjoni (34%). F’16-il pajjiż, l-ekonomija kienet l-iktar kwistjoni importanti, waqt li t-tibdil fil-klima kien l-iktar element ta’ motivazzjoni importanti fi tmien pajjiżi. Għall-poplu Malti, l-iktar kwistjoni importanti kienet l-immigrazzjoni (50%) segwita mill-qrib mill-bidla fil-klima (47%).


“Dawn l-elezzjonijiet raw żieda fil-votanti fost iż-żgħażagħ, li huma pro-Ewropej. Dan jittraduċi f’aktar leġittimità għall-Parlament Ewropew u jsaħħaħ ir-rwol tal-MPE meta jiġu biex japprovaw il-Kummissjoni Ewropea l-ġdida u meta jikkontrollawha fil-ħames snin li ġejjin”, kompla Sassoli.


F’termini ta’ għarfien dwar l-elezzjonijiet ta’ Mejju, 44% ta’ dawk li ġew mistħarrġa qalu li raw jew semgħu messaġġi mill-Parlament Ewropew li ħeġġew lin-nies biex jivvutaw. Meta jittieħed kont biss tan-nies li verament ivvutaw, din iċ-ċifra togħla għal 50%.

F’Malta iktar minn 78% ftakru dawn il-messaġġi, it-tieni l-ogħla fl-UE.


Sejba importanti tal-istħarriġ hi li l-proporzjoni ta’ dawk li jgħidu “jien dejjem nivvota” naqas b’6 punti meta mqabbel mal-2014. Dan juri li t-turnout fl-2019 ittejjeb grazzi għal dawk li mhux dejjem jivvutaw.


Ir-riżultati tal-istħarriġ juru konnessjoni bejn il-konvinzjoni tan-nies li l-vuċi tagħhom tgħodd fl-UE u l-parteċipazzjoni tagħhom fl-elezzjonijiet Ewropej.


Rapport sħiħ, kif ukoll ir-riżultati u t-tabelli kollha jistgħu jinsabu hawn.