Aqsam din il-paġna ma' ħaddieħor: 

Hearing of Helena Dalli  

L-MPE minn żewġ kumitati l-Erbgħa semgħu lil Helena Dalli, kandidata għall-post ta’ Kummissarju għall-ugwaljanza, l-Istrateġija tal-UE dwar il-Ġeneru u l-ġlieda kontra d-diskriminazzjoni.

Il-koordinaturi tal-gruppi politiċi miż-żewġ kumitati ser jiltaqgħu fl-24 siegħa li ġejjin biex jivvalutaw il-prestazzjoni tal-Kummissarju nnominat Helena Dalli u mbagħad jgħaddu din il-valutazzjoni lill-Konferenza tal-Presidenti tal-PE.


Żewġ MPE Maltin ipparteċipaw fis-smigħ. David Casa (PPE) talab għal impenji li s-Sinjura Dalli kienet ser taħdem biex ir-regoli japplikaw bl-istess mod għal kullħadd u li dawk b’saħħithom ma jkunux jistgħu jevitaw ir-regoli. Huwa talab ukoll għal kjarifiki dwar kif is-Sinjura Dalli kienet ser tiżgura l-implimentazzjoni tad-direttiva dwar il-bilanċ bejn il-ħajja tax-xogħol u tal-familja. Alex Agius Saliba (S&D) saqsa jekk estensjoni ta’ din id-direttiva tistax tiġi kkunsidrata fis-snin li ġejjin u kif is-Sinjura Dalli kienet ser taħdem biex tiżgura mainstreaming tal-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti dwar id-diżabilità.


Ġlieda kontra d-diskriminazzjoni, l-isteriotypes u t-tnaqqis tad-differenzi bejn il-pagi


Matul id-dikjarazzjoni ta’ introduzzjoni tagħha, is-Sinjura Dalli qalet li d-diskriminazzjoni qiegħda “timmina kemm l-individwi kif ukoll is-soċjetà kollha” u li hija kienet ser tiġġieled għal Ewropa “ħielsa mid-diskriminazzjoni”. Hija qalet ukoll li, jekk tkun approvata hija kienet ser tistabbilixxi fi żmien tliet xhur Task Force dwar l-Ugwaljanza biex jitħejja approċċ inter-settorjali fil-politiki kollha tal-UE. Hija wiegħdet ukoll li kienet ser tippreżenta Strateġija tal-UE dwar l-Ugwaljanza bejn il-Ġeneru, b’miżuri ġodda dwar kwistjonijiet bħat-trasparenza fil-paga, id-differenzi bejn il-pagi skond il-ġeneru, il-vjolenza kontra n-nisa u l-isteriotypes tal-ġeneru.


L-MPE saqsew bosta mistoqsijiet dwar fajls li ilhom imblukkati fil-Kunsill għal ħafna snin, bħad-Direttiva dwar in-Nisa fuq il-Bordijiet, id-Direttiva kontra d-Diskriminazzjoni jew ir-ratifikazzjoni tal-Konvenzjoni ta’ Istanbul dwar il-prevenzjoni u l-ġlieda kontra l-vjolenza kontra n-nisa.


L-MPE saqsew ukoll dwar il-protezzjoni tas-saħħa u d-drittijiet sesswali u riproduttivi, l-isteriotypes sesswali, il-mutilazzjoni ġenitali tan-nisa, iż-żwiġijiet infurzati u d-drittijiet tal-persuni transġeneru u intersesswali.


Tista’ terġa’ ssegwi s-smigħ hawn.


Konferenza stampa


Wara s-smigħ, il-president tal-Kumitat dwar id-Drittijiet tan-Nisa u l-Ugwaljanza bejn il-Ġeneru, Evelyn Regner (S&D, AT) u l-President tal-Kumitat dwar l-Impjiegi u l-Affarijiet Soċjali Lucia Ďuriš Nicholsonová (ECR, SK) għamlu konferenza stampa barra s-sala tal-laqgħa: tista’ terġa’ ssegwiha hawn.


Passi li jmiss


Abbażi tar-rakkomandazzjonijiet tal-kumitati, il-Konferenza tal-Presidenti ser tiddeċiedi fis-17 ta’ Ottubru jekk il-Parlament ikun irċieva biżżejjed informazzjoni biex jiddikjara l-proċess tas-smigħ ikkompletat. Jekk dan ikun il-każ, il-plenarja, fit-23 ta’ Ottubru fi Strasburgu, tkun tista’ tivvota dwar jekk tapprovax jew le l-Kummissjoni kollha.


Sfond


Il-membri mill-kumitat assoċjat tal-Libertajiet Ċivili, il-Ġustizzja u l-Affarijiet Interni pparteċipaw ukoll fis-smigħ.