Il-MPE jivvalutaw il-Kummissjoni Juncker 

Stqarrija 
 
 

Aqsam din il-paġna ma' ħaddieħor: 

  • il-MPE jfaħħru l-isforzi tal-Kummissjoni fir-rigward ta’ diversi kriżijiet
  • seta’ sar aktar dwar it-tibdil fil-klima u l-protezzjoni tal-ambjent
  • Juncker: “għandna nkunu kburin li nżammet il-paċi fl-Ewropa”.

Matul dibattitu ma’ Jean-Claude Juncker it-Tlieta filgħodu, il-MPE ivvalutaw il-ħidma u l-kisbiet tal-Kummissjoni uxxenti.

Is-Sur Juncker irrifletta dwar il-progress fl-oqsma ta’ prijorità tal-Kummissjoni, inkluż it-tkabbir, l-impjiegi u l-investiment, bil-għan li tingħata spinta ġdida lill-Ewropa u l-involviment maċ-ċittadini, l-enfasi fuq kwistjonijiet kbar u tnaqqis fl-għadd ta’ proposti ġodda.


Hu esprima d-diżappunt tiegħu li l-unjoni bankarja ma ġietx konkluża — li huwa jqis bħala fundamentali fil-ġlieda kontra l-kriżijiet futuri — iżda elenka suċċessi bħall-pilastru tad-drittijiet soċjali u r-regoli tal-ħaddiema stazzjonati bħala passi importanti biex tingħata dinjità lill-ħaddiema.


Ir-relazzjonijiet mal-Afrika u l-15-il ftehim kummerċjali ġodda ssemmew, fost l-oħrajn, bħala suċċessi. Madankollu, skont il-President Juncker, l-ikbar suċċess hu li nżamm il-paċi fl-Ewropa. Huwa appella lill-MEPs biex ikomplu l-ġlieda għall-Ewropa u kontra n-nazzjonaliżmu “stupidu”.


Għadd ta’ mexxejja tal-gruppi politiċi tal-PE rringrazzjaw lill-President tal-Kummissjoni għall-isforzi tiegħu matul dawn l-aħħar ħames snin fir-rigward tal-kriżi ekonomika, il-migrazzjoni, in-negozjati dwar il-Brexit, biex il-kwistjonijiet soċjali jitqiegħdu fuq l-aġenda u biex titnaqqas l-awsterità. Huwa tfaħħar ukoll talli ma ikkompromettax il-libertajiet u għall-ġlieda kontra l-evażjoni fiskali. Xi wħud enfasizzaw ukoll l-isforzi tal-Kummissjoni biex tagħti spinta lill-investiment, issaħħaħ is-suq uniku u tiżgura s-sigurtà tal-provvista tal-enerġija.


Xi MEPs ikkritikaw lill-Kummissjoni Juncker talli ma għamlitx biżżejjed biex tindirizza t-tibdil fil-klima, u kkundannat l-azzjoni għall-protezzjoni tal-whistleblowers bħala “timida” wisq.


Tista’ terġa’ ssegwi d-dibattitu kollu hawn