Il-Parlament jiddikjara emerġenza klimatika  

Stqarrija 
 
 

Aqsam din il-paġna ma' ħaddieħor: 

Il-PE jiddikjara emerġenza klimatika. L-MPE jridu azzjoni immedjata biex jitnaqqsu l-effetti fuq il-klima  
  • Jeħtieġ li l-Kummissjoni tiżgura li l-proposti kollha huma allinjati mal-mira ta’ 1.5°C
  • L-UE għandha taqta’ l-emissjonijiet tagħha b’55% sal-2030 biex issir newtrali fil-karbonju sal-2050
  • L-emissjonijiet globali mit-tbaħħir u mill-avjazzjoni għandhom jitnaqqsu

Fil-Konferenza tan-NU L-UE għandha timpenja ruħha favur emissjonijiet netti żero tal-gassijiet b’effett ta’ serra sal-2050, jgħid il-Parlament.

Qabel il-Konferenza tan-NU dwar it-Tibdil fil-Klima tal-COP25 f’Madrid 2–13 ta’ Diċembru, il-Parlament nhar il-Ħamis approva riżoluzzjoni li tiddikjara emerġenza klimatika u ambjentali fl-Ewropa u globalment. L-MPE jridu wkoll li l-Kummissjoni tiżgura li l-proposti kollha huma allinjati mal-mira ta’ 1.5°C.


F’riżoluzzjoni separata, il-Parlament iħeġġeġ lill-UE tippreżenta l-istrateġija tagħha biex tinkiseb kemm jista’ jkun malajr in-newtralità klimatika, u, sa mhux aktar tard mill-2050, lill-Konvenzjoni tan-NU dwar it-Tibdil fil-Klima. Il-membri tal-PE stiednu wkoll lill-President il-ġdid tal-Kummissjoni Ewropea Ursula von der Leyen biex tinkludi mira ta’ tnaqqis ta’ 55 % tal-emissjonijiet ta’ gassijiet b’effett ta’ serra sal-2030 fil-Ftehim Ekoloġiku Ewropew.


Żieda fit-tnaqqis globali tal-emissjonijiet għall-avjazzjoni u t-tbaħħir


L-MPEs qalu li l-ambizzjonijiet attwali tal-avjazzjoni u t-trasport marittimu ma jilħqux it-tnaqqis meħtieġ tal-emissjonijiet. Il-pajjiżi kollha għandhom jinkludu l-emissjonijiet mit-tbaħħir u l-avjazzjoni internazzjonali fil-pjanijiet ta’ kontribuzzjonijiet nazzjonali (NDCs) tagħhom. Huma ħeġġew lill-Kummissjoni biex tipproponi l-inklużjoni tas-settur marittimu fis-Sistema ta’ Kummerċ tal-Emissjonijiet tal-UE (ETS).


Aktar appoġġ finanzjarju għall-ġlieda kontra t-tibdil fil-klima


Il-pajjiżi tal-UE għandhom tal-anqas jirduppjaw il-kontribuzzjonijiet tagħhom għall-Fond Ekoloġiku internazzjonali, qal il-Parlament. L-Istati Membri tal-UE huma l-akbar fornituri ta’ finanzjament pubbliku għall-klima u l-baġit tal-UE għandu jikkonforma bis-sħiħ mal-impenji internazzjonali tiegħu. Huma jinnotaw ukoll li l-wegħdiet mill-pajjiżi żviluppati ma jilħqux l-għan kollettiv ta’ USD 100 biljun fis-sena mill-2020.


Fl-aħħar nett, huma appellaw b’mod urġenti lill-pajjiżi kollha tal-UE biex gradwalment ineħħu s-sussidji kollha diretti u indiretti, għall-fjuwils fossili sal-2020.


Sfond


Ir-riżoluzzjoni dwar id-dikjarazzjoni ta’ emerġenza klimatika u ambjentali ġiet adottata b’ 429 vot favur, 225 vot kontra u 19-il astensjoni. Il-Parlament Ewropew adotta r-riżoluzzjoni dwar il-COP25 b’ 430 vot favur, 190 vot kontra u 34 astensjoni.


Għadd ta’ pajjiżi, amministrazzjonijiet lokali u xjentisti ddikjaraw li l-pjaneta tagħna qed tiffaċċja emerġenza klimatika.


Il-Kummissjoni Ewropea diġà pproponiet il-mira ta’ emissjonijiet netti żero sal-2050, iżda l-Kunsill Ewropew għadu ma approvahiex minħabba li l-Polonja, l-Ungerija u ċ-Ċekja huma opposti.

Il-Parlament fil-COP25


Il-COP25 se ssir f’Madrid fl-2–13 ta’ Diċembru 2019. Il-President tal-Parlament Ewropew David Maria Sassoli, (S & D, IT) se jattendi l-ftuħ uffiċjali. Delegazzjoni mill-Parlament Ewropew, immexxija minn Bas Eickhout (Ħodor, NL), se tkun hemm bejn id-9–14 ta’ Diċembru.