Iċ-ċittadini huma l-pedament tal-Konferenza dwar il-Futur tal-Ewropa 

Stqarrija 
 
 

Aqsam din il-paġna ma' ħaddieħor: 

Il-laqgħat taċ-ċittadini u ż-żgħażagħ għandhom jistabbilixxu t-ton għar-riforma tal-UE, skont ir-riżoluzzjoni adottata l-Erbgħa  
  • Agoras Tematiċi li jinvolvu ċ-ċittadini ta’ kull xejra minn madwar l-Ewropa
  • Riforma tal-UE permezz ta’ approċċ minn isfel għal fuq, trasparenti, inklużiv, parteċipattiv u bbilanċjat.
  • Jista’ jkun meħtieġ li jsiru bidliet fit-trattat u għandu jitwaqqaf mekkaniżmu permanenti għall-parteċipazzjoni taċ-ċittadini f’dan

Laqgħat taċ-ċittadini u żgħażagħ għandhom jistabbilixxu t-ton għar-riforma tal-UE, skont ir-riżoluzzjoni adottata nhar l-Erbgħa.

Wara dibattitu ma’ Dubravka Šuica, Viċi President tal-Kummissjoni għad-Demokrazija u għad-Demografija u Nikolamina Brnjac, li tirrappreżenta l-Presidenza Kroata tal-Kunsill, il-Parlament adotta riżoluzzjoni b’494 vot favur, 147 kontra u 49 astensjoni, li tistabbilixxi l-viżjoni tiegħu għall-Konferenza li jmiss dwar il-Futur tal-Ewropa

Iċ-ċittadini fil-qofol tad-dibattitu

L-MPE jridu li ċ-ċittadini jkunu fil-qalba tad-diskussjonijiet wesgħin dwar kif għandhom jiġu indirizzati l-isfidi interni u esterni li ma kinux previsti fiż-żmien tat-Trattat ta’ Lisbona. Persuni minn kull sfond, ir-rappreżentanti tas-soċjetà ċivili u l-partijiet interessati fil-livell Ewropew, nazzjonali, reġjonali u lokali għandhom jiġu involuti fl-istabbiliment tal-prijoritajiet tal-UE, b’rispett għat-tħassib taċ-ċittadini, f’approċċ minn isfel għal fuq, trasparenti, inklużiv, parteċipattiv u bbilanċjat sew.

Il-Parlament jipproponi li jiġu stabbiliti diversi Agoras taċ-Ċittadini (fora tematiċi tar-rappreżentanti taċ-ċittadini magħżula bl-addoċċ f’konformità mal-prinċipji tal-proporzjonalità u r-rappreżentazzjoni), u mill-inqas żewġ Agoras taż-Żgħażagħ, li kull wieħed minnhom ikun jinkludi 200–300 ċittadin b’minimu ta’ tlieta għal kull stat membru. Ir-rappreżentanti taċ-ċittadini mbagħad jiddiskutu l-konklużjonijiet tal-Agora fil-Plenarja tal-Konferenza mal-MPE u r-rappreżentanti tal-parlamenti nazzjonali, il-ministri tal-Kunsill, il-Viċi Presidenti tal-Kummissjoni u rappreżentanti ta’ istituzzjonijiet, korpi u sħab soċjali oħra tal-UE.

Ir-rwol tal-istituzzjonijiet tal-UE

Minbarra l-appoġġ ta’ livell għoli mill-presidenti tat-tliet istituzzjonijiet ewlenin tal-UE, il-Parlament iħeġġeġ lill-Kunsill u lill-Kummissjoni biex jimpenjaw ruħhom favur il-possibbiltà ta’ bidla fit-trattat. It-test adottat jenfasizza wkoll li għandu jiġi kkunsidrat mekkaniżmu permanenti biex jiġu involuti ċ-ċittadini.


Il-President tal-Parlament, David Sassoli, iddikjara fil-bidu tad-dibattitu li “jeħtieġ li nirrivedu l-mekkaniżmi kollha ta’ governanza demokratika wara l-elezzjonijiet Ewropej. Dan għandu jsir flimkien mal-istituzzjonijiet nazzjonali u bl-involviment taċ-ċittadini tal-UE. Qiegħdin nibdew żmien importanti ieħor ta' rif’rmi.”


Il-passi li jmiss

Il-Parlament huwa l-ewwel fost it-tliet istituzzjonijiet ewlenin tal-UE li adotta pożizzjoni dwar l-istruttura u l-ambitu tal-Konferenza li jmiss. In-negozjati mal-Kummissjoni u l-Kunsill Ewropew għandhom jiġu konklużi fil-ħin biex il-Konferenza titnieda f’Jum l-Ewropa 2020 (fid- 9 ta’ Mejju) u tiġi konkluża fis-sajf 2022.

Sfond

Il-pożizzjoni tal-Parlament tirrifletti s-sejbiet tal-istħarriġ l-aktar reċenti. Fil-Parlemeter ta’ Settembru 2019, iċ-ċittadini Ewropej komplew jappoġġaw rwol aktar importanti għall-Parlament, filwaqt li d-data mill-Ewrobarometru Standard tal-Kummissjoni (Novembru 2019, Tabella 102) turi li 83 % ta’ dawk li wieġbu jixtiequ li leħen “iċ-ċittadini tal-UE” jiġi kkunsidrat aktar fid-deċiżjonijiet dwar il-futur tal-Ewropa”.