Il-ftehim dwar il-Brexit approvat mill-Parlament Ewropew  

Stqarrija 
 
 

Aqsam din il-paġna ma' ħaddieħor: 

Il-Parlament japprova l-Ftehim ta’ Ħruġ Renju Unit-UE qabel ma’ dan jgħaddi lill-Kunsill għall-aħħar pass tal-proċess ta’ ratifikazzjoni.  
  • Il-Ftehim dwar il-Ħruġ tar-Renju Unit għadda l-ostaklu ta’ qabel tal-aħħar qabel ma jidħol fis-seħħ
  • L-aħħar tappa hija l-vot bil-maġġoranza kwalifikata fil-Kunsill, biex imbagħad il-Brexit iseħħ fil-31 ta’ Jannar 2020

Il-Ftehim ta’ Ħruġ ġie approvat mill-Parlament Ewropew nhar l-Erbgħa b’621 vot favur, 49 kontra u 13 il-astensjoni.

Matul dibattitu ftit qabel il-vot flimkien mal-Presidenza tal-Kunsill, il-President tal-Kummissjoni Ewropea, Ursula von der Leyen, u l-Kap Negozjatur tal-UE Michel Barnier, il-Parlament qies il-proċess ta’ ħruġ s’issa u l-isfidi li għad fadal.

F’kummenti dwar l’importanza storika tal-vot, il-maġġoranza tal-kelliema f’isem il-gruppi politiċi qalu li l-ħruġ tar-Renju Unit mhux ser ikun it-tmiem tat-triq għar-relazzjoni bejn l-UE u r-Renju Unit u li r-rabtiet bejn il-popli Ewropej huma b’saħħithom u ser jibqgħu hekk. Huma semmew ukoll li jeħtieġ li jitgħalmu lezzjonijiet mill-Brexit li għandhom ifasslu l-futur tal-UE u rringrazzjaw lir-Renju Unit u l-MPE għall-kontribut tagħhom tul is-sħubija tar-Renju Unit.

Bosta minn dawk li tkellmu tennew il-kisbiet tal-Parlament fil-protezzjoni tad-drittijiet taċ-ċittadini u biex inaqqsu l-impatt negattiv tal-Brexit fuq il-ħajja ta’ kulljum tan-nies. Huma wissew ukoll li n-negozjati dwar ir-relazzjoni futura ser ikunu diffiċli, speċjalment minħabba ż-żmien qasir biex titfassal ir-relazzjoni futura.


Il-Parlament b’rwol kruċjali dwar ir-relazzjoni futura mar-Renju Unit

Il-grupp tal-Parlament li jikkordina r-relazzjonijiet mar-Renju Unit, immexxi mill-President tal-Kumitat dwar l-Affarijiet Barranin David McAllister (EPP, DE), ser jikkoordina mat-Task Force tal-UE għar-Relazzjonijiet mar-Renju Unit u jikkoordina mal-Kumitat għall-Affarijiet Barranin u l-Kumitat dwar il-Kummerċ Internazzjonali u l-kumitati l-oħra kollha skont is-suġġett. Il-PE ser isegwi mill-qrib il-ħidma tan-negozjatur tal-UE, Michel Barnier, u jkompli jinfluwenza n-negozjati permezz ta’ riżoluzzjonijiet. Il-ftehim finali ser jeħtieġ l-approvazzjoni tal-Parlament.


Tista’ terġa’ ssegwi d-dibattitu billi tikklikka fuq il-links hawn taħt:

Dikjarazzjoni ta’ ftuħ minn Guy VERHOFSTADT (RE, BE)

Dikjarazzjonijiet ta’ ftuħ minn Nikolina BRNJAC, f’isem il-Presidenza Kroata u minn Ursula VON DER LEYEN, President tal-Kummissjoni

L-ewwel round tal-kelliema tal-gruppi politiċi

Dibattitu bejn il-MPE(l-ewwel parti)

Dibattitu bejn il-MPE(it-tieni parti)

Dibattitu bejn il-MPE (it-tielet parti)

Dikjarazzjonijiet ta’ għeluq minn-Michel BARNIER u Nikolina BRNJAC

Dikjarazzjoni ta’ għeluq mill-President tal-Parlament Ewropew David SASSOLI

Il-passi li jmiss

Biex jidħol fis-seħħ, il-Ftehim dwar il-Ħruġ issa ser jiġi ppreżentat għal vot bil-maġġoranza kwalifikata fil-Kunsill.

Il-perijodu ta’ tranżizzjoni jibda fl-1 ta’ Frar u għandu jintemm fl-aħħar ta’ Diċembru 2020. Kwalunkwe ftehim dwar il-futur tar-relazzjoni bejn l-UE u r-Renju Unit ikollu jiġi konkluż bis-sħiħ sa dak il-mument jekk għandu jidħol fis-seħħ fl-1 ta’ Jannar 2021.

Il-perijodu ta’ tranżizzjoni jista’ jiġi estiż darba għal sena jew sentejn, iżda tali deċiżjoni trid tittieħed mill-Kumitat Konġunt UE-Renju Unit qabel l-1 ta’ Lulju.

Il-Parlament Ewropew ikollu jirratifika l-ftehim dwar il-futur. Jekk il-ftehim jolqot kompetenzi li l-UE taqsam mal-istati membri, il-parlamenti nazzjonali jkollhom jirratifikaw ukoll.