Aqsam din il-paġna ma' ħaddieħor: 

Il-Parlament irid li l-ftehim ta' assoċjazzjoni futur ikun kemm jista' jkun dettaljat  
  • Għandha tiġi ppreservata l-integrità tas-Suq Uniku tal-UE u tal-Unjoni Doganali
  • Għandu jkun hemm “allinjament dinamiku” tar-regoli bejn l-UE u r-Renju Unit.
  • L-UE għandha tipproteġi s-setturi l-aktar sensittivi tagħha

Il-Parlament jitlob li jkun hemm kundizzjonijiet ekwi, garantiti permezz ta’ impenji robusti u “ allinjament dinamiku” tar-regoli bejn l-UE u r-Renju Unit.

Nhar l-Erbgħa, il-Parlament Ewropew adotta riżoluzzjoni li tipprovdi l-kontribut inizjali tal-MPE għan-negozjati li ġejjin mal-Gvern Brittaniku dwar is-sħubija ġdida bejn l-UE u r-Renju Unit wara l-perjodu ta’ tranżizzjoni tal-Brexit. It-test ġie adottat b’543 vot favur 39 kontra, u 69 astensjoni.

Il-Parlament irid li l-ftehim ta’ assoċjazzjoni mar-Renju Unit ikun kemm jista’ jkun komprensiv, ibbażat fuq tliet pilastri ewlenin: Sħubija ekonomika, sħubija fl-affarijiet barranin u kwistjonijiet settorjali speċifiċi. Madankollu, pajjiż li mhuwiex fl-UE ma jistax igawdi l-istess drittijiet bħal Stat Membru u l-integrità tas-Suq Uniku u l-Unjoni Doganali jridu jiġu ppreservati f’kull ħin, il-MPE jgħidu.


Relazzjonijiet kummerċjali futuri bejn l-UE u r-Renju Unit

Biex jintlaħaq ftehim ġdid ta’ kummerċ ħieles ambizzjuż, il-MPE jaqblu b’mod ġenerali mal-linji li bihom il-Kummissjoni pproponiet li tinnegozja. Minħabba d-daqs tal-ekonomija tar-Renju Unit u l-prossimità ġeografika, il-kompetizzjoni futura mal-UE għandha tinżamm miftuħa u ġusta permezz ta’ sistema ta’ “kundizzjonijiet ekwi”, li tirriżulta f’garanzija ta’ regoli ugwali fuq, fost affarijiet oħra, kwistjonijiet soċjali, ambjentali, tat-taxxa, tal-għajnuna mill-Istat, tal-protezzjoni tal-konsumatur u tal-klima.

Biex tinżamm relazzjoni mingħajr kwoti u mingħajr tariffi, il-gvern Brittaniku għandu jwiegħed li jaġġorna r-regoli tiegħu dwar, pereżempju, il-kompetizzjoni, l-istandards tax-xogħol u l-protezzjoni tal-ambjent, sabiex jiżgura “allinjament dinamiku” tal-liġijiet tal-UE u tar-Renju Unit.

Is-setturi l-aktar sensittivi

Ir-riżoluzzjoni tagħmilha ċara wkoll li biex jinkiseb il-kunsens tal-Parlament, kwalunkwe ftehim ta’ kummerċ ħieles bejn l-UE u r-Renju Unit għandu jkun soġġett għal ftehim minn qabel dwar is-sajd sa Ġunju 2020.

Jekk ir-Renju Unit ma jikkonformax mal-liġijiet u l-istandards tal-UE, il-Kummissjoni għandha “tevalwa l-introduzzjoni ta’ kwoti u tariffi possibbli għas-setturi l-aktar sensittivi, kif ukoll il-ħtieġa għal klawżoli ta’ salvagwardja biex tiġi protetta l-integrità tas-suq uniku tal-UE.” Dan huwa partikolarment importanti għall-importazzjonijiet tal-ikel u prodotti agrikoli, li jridu jikkonformaw strettament mar-regoli tal-UE.

Prijoritajiet oħra

It-test fih ukoll taqsimiet dwar id-drittijiet taċ-ċittadini u l-mobbiltà tal-persuni, il-protezzjoni tad-data, Ġibilterra, il-futur tas-servizzi finanzjarji, is-sitwazzjoni fuq il-gżira tal-Irlanda, ir-rwol tal-Qorti Ewropea tal-Ġustizzja fis-soluzzjoni tat-tilwim, il-programmi u l-aġenziji tal-UE, il-politika barranija u kwistjonijiet ta’ sigurtà.

It-test sħiħ tar-riżoluzzjoni ser ikun disponibbli hawnhekk.(12.02.2020)

Il-passi li jmiss

Ir-riżoluzzjoni hija bbażata fuq l-abbozz ta’ direttivi ta’ negozjati tal-Kummissjoni Ewropea, li ġew ippreżentati mill-Kap Negozjatur tal-UE Michel Barnier, nhar it-Tnejn 3 ta’ Frar. Dawn id-direttivi huma l-qafas li jistabbilixxi l-għan, il-kamp ta’ applikazzjoni u l-objettivi għat-taħditiet. Jeħtieġ ukoll li jiġu ffirmati mir-rappreżentanti tal-Istati Membri tal-UE27 fil-Kunsill, li huwa mistenni li jseħħ fil-25 ta’ Frar.