Aqsam din il-paġna ma' ħaddieħor: 

Xogħol ta' riċerka fil-laboratorju- ©Vectorfusionart/AdobeStock  

+ il-Kummissjoni tipproponi pakkett baġitarju sinifikanti għall-ġlieda kontra l-pandemija

+ il-MPE tal-kumitat dwar ir-Riċerka jilqgħu il-miżuri ta’ emerġenza

+ jeħtieġ aktar investiment fir-riċerka biex inkunu lesti għall-kriżijiet li jmiss

Il-miżuri ta’ rispons f’każ ta’ kriżi għandhom jiġu kkombinati ma’ impenn fit-tul għal programmi ta’ riċerka tal-UE, jgħid MPE tal-kumitat dwar ir-riċerka.

“Nilqa’ l-miżuri meħuda mill-Kummissarju Gabriel u l-ġbir ta’ kważi EUR 140 miljun kontra l-COVID 19. Il-Kummissjoni kienet rapida ħafna biex tniedi sejħa speċjali għal espressjonijiet ta’ interess minn Orizzont 2020 u tinvolvi l-partijiet interessati rilevanti taħt is-sħubija pubblika-privata tal-Inizjattiva dwar Mediċini Innovattivi (IMI) ", qal ir-relatur dwar l-Orizzont Ewropa Christian Ehler (PPE, DE).

“Issa, irridu nibdew naħsbu ‘l quddiem sabiex inkunu mgħammra aħjar għall-futur. Huwa ċar li r-riċerka u l-iżvilupp għandhom rwol importanti biex jiġu indirizzati l-isfidi globali. Din hija raġuni oħra biex tiġi appoġġjata l-proposta tagħna għal EUR 120 biljun għal Orizzont Ewropa. ", żied jgħid.

Test tal-abbiltà tagħna li naħdmu flimkien

“Il-kriżi tas-saħħa kkawżata mill-COVID-19 qed tiffoka l-imħuħ. Il-prijorità ewlenija issa hija li jitwaqqaf it-tixrid tal-virus. Wara l-kwinti, ir-riċerka ta’ emerġenza qed taħdem biex jinstab trattament u tilqima. Ir-rata straordinarja ta’ kontaġju tal-virus għandha tagħmilna konxji li d-dinja interkonnessa tagħna nxtorbot b’mod konsiderevoli u li azzjoni konġunta u kkoordinata bejn l-istati hija l-uniku mod kif wieħed jittratta din il-kriżi”, qal Christian Ehler.

“Din il-kriżi hija test tal-ħila tagħna li naħdmu flimkien fuq sitwazzjoni ta’ emerġenza min-naħa l-waħda, u biex nibqgħu fidili lejn l-objettivi fit-tul tagħna min-naħa l-oħra.

“Meta tintemm din il-kriżi, għandna nħejju minnufih għal dik li jmiss. Dan ifisser li jsir investiment akbar fir-riċerka u li jiġi żgurat li programmi bħal Orizzont Ewropa ma jsirux ostaġġi tas-sokra għal żmien qasir bejn l-Istati Membri”.

COVID-19: L-UE u l-industrija ser jiffinanzjaw aktar riċerka permezz ta’ Inizjattiva dwar Mediċini Innovattivi

L-inizjattiva dwar Mediċini Innovattivi (IMI), sħubija pubblika-privata bejn il-Kummissjoni Ewropea u l-industrija farmaċewtika, illum nediet sejħa rapida għal proposti ta’ riċerka biex jiġu żviluppati trattamenti u dijanjostika b’rispons għat-tifqigħa tal-COVID-19. Sa EUR 45 miljun tal-finanzjament se jiġi mill-programm Orizzont 2020, il-programm tal-UE għar-riċerka u l-innovazzjoni.