COVID-19: Rispons imkabbar tal-UE biex jittaffew l-effetti tal-kriżi 

Stqarrija 
Is-sessjoni plenarja 
 
 

Aqsam din il-paġna ma' ħaddieħor: 

Il-MPE ivvutaw b'mod remot minnħabba l-kriżi tal-COVID-19  
  • Flessibbiltà massima biex il-fondi strutturali tal-UE li ma ntużawx jintużaw biex jiġi miġġieled l-impatt tas-COVID-19 fuq iċ-ċittadini
  • Appoġġ imsaħħaħ għas-sajjieda tal-UE, il-bdiewa tal-akkwakultura u l-produtturi agroalimentari
  • Il-Fond għal Għajnuna Ewropea għall-Persuni l-Aktar fil-Bżonn se jkompli jipprovdi assistenza fejn huwa l-aktar meħtieġ

Il-MPE adottaw miżuri addizzjonali sabiex il-finanzjament tal-UE jkun jista’ jingħata immedjatament u b’flessibbiltà eċċezzjonali fil-ġlieda kontra l-pandemija tal-COVID-19.

Fis-sessjoni plenarja straordinarja tal-Ġimgħa, il-Parlament Ewropew approva l-pakkett “Corona Response Investment Iniative Plus” (CRII+) propost mill-Kummissjoni Ewropea fit-2 ta’ April permezz ta’ proċedura ta’ urġenza.


Il-proposti approvati huma:


Miżuri speċifiċi sabiex il-fondi tal-UE jkunu jistgħu jintużaw b’mod flessibbli. Il-miżuri adottati se jippermettu lill-Istati Membri jittrasferixxu r-riżorsi bejn it-tliet fondi ta’ koeżjoni ewlenin (il-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali, il-Fond Soċjali Ewropew u l-Fond ta’ Koeżjoni), bejn il-kategoriji differenti ta’ reġjuni u bejn l-oqsma prijoritarji speċifiċi tal-fondi.


B’mod eċċezzjonali, se jkun possibbli li jiġu ffinanzjati b’mod sħiħ il-programmi tal-politika ta’ koeżjoni relatati mal-COVID-19 permezz ta’ finanzjament ta’ 100 % mill-UE matul is-sena kontabilistika 2020–2021. Il-miżuri jissimplifikaw ukoll l-approvazzjoni tal-programm biex titħaffef l-implimentazzjoni, jagħmlu l-istrumenti finanzjarji aktar faċli biex jintużaw u biex jiġu ssimplifikati l-verifiki.


Regoli ġodda se jippermettu lill-bdiewa li jibbenefikaw minn self jew garanziji b’kundizzjonijiet favorevoli biex ikopru l-ispejjeż operattivi tagħhom sa EUR 200.000. Huma ser jilliberaw ukoll finanzjament għall-iżvilupp rurali mhux użat u relatat mal-agrikoltura għall-ġlieda kontra l-COVID-19. il-proposta ġiet adottata b’689 vot favur, 6 kontra u astensjoni.


Miżuri speċifiċi biex jittaffa l-impatt tat-tifqigħa tal-COVID-19 fis-settur tas-sajd u tal-akkwakultura. Il-miżuri jinkludu appoġġ għas-sajjieda li għandhom jieqfu joperaw temporanjament, l-għajnuna finanzjarja għall-produtturi tal-akkwakultura meta l-produzzjoni tiġi sospiża jew imnaqqsa, l-appoġġ għall-organizzazzjonijiet tal-produtturi għall-ħżin temporanju, kif ukoll allokazzjoni mill-ġdid aktar flessibbli tal-fondi operazzjonali nazzjonali.


Il-proposta emendata ġiet adottata b’671 vot favur, 10 kontra u 15-il astensjoni.


Miżuri speċifiċi li jiggarantixxu l-funzjonament kontinwu tal-Fond għal Għajnuna Ewropea għall-Persuni l-Aktar fil-Bżonn (FEAD). Il-miżuri jinkludu l-possibbiltà li jiġi ffinanzjat il-forniment ta’ tagħmir protettiv għall-ħaddiema u l-voluntiera, il-kofinanzjament temporanju ta’ 100 % mill-baġit tal-UE u miżuri eħfef ta’ rappurtar u ta’ awditjar matul il-kriżi tal-COVID-19.


Wara ftehim informali mal-Kunsill, il-Membri tal-PE approvaw ukoll bidliet li jippermettu li l-għajnuna tingħata permezz ta’ metodi ġodda, pereżempju permezz ta’ vawċers elettroniċi jew stampati, biex tiġi żgurata s-sikurezza ta’ kull min ikun involut fl-operazzjonijiet u biex jintlaħqu dawk l-aktar vulnerabbli u esklużi. Il-miżuri approvati għandhom l-għan li jipproteġu lill-persuni l-aktar vulnerabbli milli jaqgħu vittmi tal-COVID-19 u li jiżguraw li l-għajnuna alimentari u l-għajnuna materjali bażika jibqgħu jilħqu dawn il-persuni. Il-proposta emendata ġiet adottata b’686 vot favur, 7 kontra u 3 astensjonijiet.


Il-passi li jmiss


Il-Kunsill għandu japprova formalment il-pożizzjoni tal-Parlament. Il-miżuri adottati se jidħlu fis-seħħ ladarba jiġu ppubblikati f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea fil-jiem li ġejjin.