Il-miżuri ta’ emerġenza fl-Ungerija huma eżaġerati: L-UE għandha timponi sanzjonijiet u twaqqaf il-pagamenti 

Stqarrija 
 
 

Aqsam din il-paġna ma' ħaddieħor: 

Il-MPE huma kkonċernati dwar il-leġiżlazzjoni ta' emerġenza fl-Ungerija minħabba l-COVID-19 u jappellaw lill-UE biex tieħu passi  
  • L-istat ta’ emerġenza indefinit u l-limiti għad-diskors liberu huma inkompatibbli mal-valuri tal-UE
  • Il-Kummissjoni għandha tniedi l-proċedimenti ta’ ksur tar-reoli tal-UE u l-Kunsill għandu jipproċedi bl-Artikolu 7
  • Il-finanzjament tal-UE għandu jsir kundizzjonali fuq ir-rispett tal-istat tad-dritt

Fl-Ungerija d-demokrazija u d-drittijiet fundamentali huma mhedda, qalu ħafna -MPE, u ħeġġew lill-Kummissjoni u lill-Kunsill biex jipproteġu liċ-ċittadini Ungeriżi u l-istat tad-dritt.

F’dibattitu mal-Viċi President tal-Kummissjoni, Vera Jourová u l-Presidenza Kroata tal-UE, il-maġġoranza tal-kelliema enfasizzaw li l-miżuri ta’ emerġenza meħuda mill-Gvern Ungeriż biex tiġi miġġielda l-pandemija tal-COVID-19, inkluża d-dikjarazzjoni ta’ stat ta’ emerġenza illimitat, mhumiex konformi mar-regoli tal-UE u wissew dwar żieda fir-riskju għad-demokrazija.


Diversi MPE talbu lill-Kummissjoni Ewropea biex tlesti l-iskrutinju tal-bidliet legali u tniedi l-proċeduri ta’ ksur tar-regoli kontra l-Ungerija. Huma talbu speċifikament li jitwaqqfu l-pagamenti lill-Ungerija, fil-qafas tal-perspettivi finanzjarji ġodda u l-pjan ta’ rkupru, sakemm ma jiġix irrispettat l-istat tad-dritt. Huma kkritikaw ukoll l-attitudni passiva tal-Kunsill u insistew li dan għandu jipproċedi bil-proċedura tal-Artikolu 7 mibdija mill-Parlament.


Ftit mill-MPE iddefendew id-deċiżjonijiet meħuda minn dak li huma ddeskrivew bħala Parlament elett demokratikament fl-Ungerija u qabblu l-miżuri eċċezzjonali adottati fil-pajjiż ma’ dawk meħuda minn Stati Membri oħra tal-UE, bħal Franza jew Spanja.


Sfond


Fir-riżoluzzjoni tiegħu tas-17 ta’ April, il-Parlament diġà ddikjara li d-deċiżjonijiet fl-Ungerija biex jiġi estiż b’mod indefinit l-istat ta’ emerġenza, biex il-gvern jiġi awtorizzat jiddeċiedi b’digriet, u biex tiddgħajjef is-sorveljanza tal-Parlament, huma “totalment inkompatibbli mal-valuri Ewropej”.


Il-MPE enfasizzaw li l-miżuri kollha relatati mal-COVID-19 “għandhom ikunu konformi mal-istat tad-dritt, strettament proporzjonati [...], direttament relatati mal-kriżi attwali tas-saħħa, limitati fiż-żmien u soġġetti għal skrutinju regolari.”


Tista’ tara d-dibattitu permezz tal-video on demand.