Iċ-ċittadini tal-UE jridu aktar kompetenzi biex l-UE tindirizza kriżijiet bħal COVID-19 

Stqarrija 
 
 

Aqsam din il-paġna ma' ħaddieħor: 

L-UE taġixxi: tagħmir mediku mir-riżerva ta' RescEU titwassal Spanja f'Mejju 2020. ©EU/A.P.E.  

Fi stħarriġ ġdid ikkummissjonat mill-Parlament Ewropew, il-maġġoranza (58 %) qalu li esperjenzaw diffikultajiet finanzjarji mill-bidu tal-kriżi.

Fi tmiem April 2020, kważi sebgħa minn kull għaxar persuni li wieġbu (69 %) iridu rwol aktar b’saħħtu għall-UE fil-ġlieda kontra din il-kriżi. B’mod parallel, kważi sitta minn kull għaxra minn dawk li wieġbu mhumiex sodisfatti bis-solidarjetà bejn l-Istati Membri tal-UE matul il-pandemija. Filwaqt li 74 % ta’ dawk li wieġbu semgħu dwar miżuri jew azzjonijiet mibdija mill-UE biex tirrispondi għall-pandemija, 42 % biss minnhom huma sodisfatti b’dawn il-miżuri s’issa.

L-UE għandha ttejjeb l-għodod komuni biex tiffaċċja kriżijiet bħal Covid-19

Żewġ terzi ta’ dawk li wieġbu (69 %) jaqblu li “l-UE għandu jkollha aktar kompetenzi biex tindirizza kriżijiet bħall-pandemija tal-Koronavajrus”. Inqas minn kwart ta’ dawk li wieġbu (22 %) ma jaqblux ma’ din id-dikjarazzjoni.


Fi tweġiba għall-pandemija, iċ-ċittadini Ewropej riedu li l-UE tiffoka primarjament fuq l-iżgurar ta’ biżżejjed provvisti mediċi għall-Istati Membri kollha tal-UE, fuq l-allokazzjoni ta’ fondi għar-riċerka biex jiġi żviluppat vaċċin, appoġġ finanzjarju dirett lill-Istati Membri u titjib fil-kooperazzjoni xjentifika bejn l-Istati Membri.


Appell biex tingħata ħajja ġdida lis-solidarjetà Ewropea fi żminijiet ta’ kriżi


Din it-talba qawwija għal aktar kompetenzi tal-UE u rispons tal-UE aktar ikkoordinat timxi id f’id man-nuqqas ta’ sodisfazzjon espress mill-maġġoranza ta’ dawk li wieġbu rigward is-solidarjetà bejn l-Istati Membri tal-UE fil-ġlieda kontra l-pandemija tal-Koronavajrus: 57 % mhumiex kuntenti bis-sitwazzjoni attwali ta’ solidarjetà, inkluż 22 % li “mhumiex kollha” sodisfatti. Terz biss ta’ dawk li wieġbu (34 %) huma ssodisfati, bl-ogħla redditi fl-Irlanda, fid-Danimarka, fin-Netherlands u fil-Portugall. Dawk li wieġbu mill-Italja, minn Spanja u mill-Greċja huma fost l-aktar insodisfatti, segwiti minn ċittadini mill-Awstrija, mill-Belġju u mill-Isvezja.


Hemm kuxjenza dwar il-miżuri meħuda mill-UE iżda mhumiex ikkunsidrati li huma biżejjed


Tliet kwarti minn dawk li wieġbu mill-pajjiżi kollha mistħarġa jgħidu li semgħu, raw jew qraw dwar il-miżuri tal-UE; terz ta’ dawk li wieġbu (33 %) jafu wkoll x’inhuma dawn il-miżuri. Fl-istess ħin madwar nofs (52 %) dawk li jafu dwar l-azzjoni tal-UE f’din il-kriżi jgħidu li mhumiex sodisfatti bil-miżuri li ttieħdu s’issa. 42 % biss huma sodisfatti, l-aktar fl-Irlanda, il-Pajjiżi l-Baxxi, id-Danimarka u l-Finlandja. Il-livell ta’ nuqqas ta’ sodisfazzjon huwa l-ogħla fl-Italja, fi Spanja u fil-Greċja, u huwa pjuttost għoli fl-Awstrija u fil-Bulgarija.


Sitta minn kull għaxar ċittadini esperjenzaw diffikultajiet finanzjarji personali


Maġġoranza ċara ta’ dawk li wieġbu (58 %) iddikjaraw fl-istħarriġ li esperjenzaw diffikultajiet finanzjarji fil-ħajja personali tagħhom stess mill-bidu tal-pandemija ta’ Coronavajrus. Dawn il-problemi jinkludu telf ta’ dħul (30 %), qgħad jew qgħad parzjali (23 %), li jużaw it-tfaddil personali aktar kmieni milli ppjanat (21 %), id-diffikultajiet li jħallsu l-kera, il-kontijiet jew is-self mill-banek (14 %) kif ukoll diffikultajiet li għandhom ikliet xierqa u ta’ kwalità tajba (9 %).Wieħed minn kull għaxra qal li kellu jsaqsi lill-familja jew lill-ħbieb għal għajnuna finanzjarja, filwaqt li 3 % ta’ dawk li wieġbu ffaċċjaw falliment.


B’mod ġenerali, dawk li wieġbu fl-Ungerija, fil-Bulgarija, fil-Greċja, fl-Italja u fi Spanja x’aktarx li kellhom problemi finanzjarji, filwaqt li dawk fid-Danimarka, il-Pajjiżi l-Baxxi, l-Isvezja, il-Finlandja u l-Awstrija huma l-inqas probabbli li jirrappurtaw problemi. Tabilħaqq, f’dawn il-pajjiżi tal-aħħar, aktar minn nofs ta’ dawk li wieġbu ma esperjenzaw l-ebda waħda minn dawn il-problemi finanzjarji: 66 % fid-Danimarka, 57 % fil-Pajjiżi l-Baxxi, 54 % fil-Finlandja u 53 % fl-Isvezja.

Nota għall-edituri


L-istħarriġ sar bl-internet minn Kantar bejn it-23 ta’ April u l-1 ta’ Mejju, fost 21,804 rispondenti f’21 stat membru tal-UE (mhux koperti : il-Litwanja, l-Estonja, il-Latvja, Ċipru, Malta u l-Lussemburgu). L-istħarriġ kien limitat għal dawk li għandhom bejn il-16 u l-64 sena (16–54 fil-Bulgarija, fiċ-Ċekja, fil-Kroazja, fil-Greċja, fl-Ungerija, fil-Polonja, fil-Portugall, fir-Rumanija, fis-Slovenja u fis-Slovakkja). Ir-rappreżentattività fil-livell nazzjonali hija żgurata permezz ta’ kwoti fuq is-sess, l-età u r-reġjun.


Aqra ir-riżultati sħaħ tal-istħarriġ, inklużi t-tabelli tad-dejta nazzjonali u soċjodemografiċi hawnhekk.