Negozjati UE-Renju Unit: Il-MPE esprimew sostenn sod għall-pożizzjoni tal-UE  

Stqarrija 
 
 

Aqsam din il-paġna ma' ħaddieħor: 

Il-Parlament adotta riżoluzzjoni li tikkritika bil-qawwa l-approċċ tal-Gvern Brittaniku għan-negozjati bejn l-UE u r-Renju Unit  
  • Il-MPE għandhom fiduċja sħiħa fin-negozjatur tal-UE, Michel Barnier
  • L-approċċ tar-Renju Unit, li bih jagħżel dak li jaqbillu mhuwiex aċċettabbli għall-UE
  • Huwa meħtieġ ftehim dwar kundizzjonijiet ekwi u s-sajd sabiex tinkiseb l-approvazzjoni tal-Parlament Ewropew

Il-Parlament jinnota b'dispjaċir li għad hemm differenzi sostanzjali, u m'għadx baqa' wisq żmien biex jintlaħaq ftehim dwar ir-relazzjoni futura bejn l-UE u r-Renju Unit.

F'riżoluzzjoni adottata nhar il-Ħamis b’maġġoranza kbira, il-Parlament qies il-kisbiet li seħħew s'issa fin-negozjati bejn l-UE u r-Renju Unit dwar sħubija ġdida u jirrikonoxxi l-appell tan-negozjaturi biex it-taħdidiet jiġu intensifikati f’Lulju.


B'dispjaċir innotaw li wara erba' ċikli ta' negozjati, ma nkiseb ebda progress reali fid-diskussjonijiet, u li għad hemm differenzi sostanzjali.


L-atteġġament tar-Renju Unit li jagħżel ċerti politiki skont kif jaqbillu u jinsisti li jkollu aċċess għas-suq uniku wara l-Brexit mhuwiex "aċċettabbli" għall-UE. Fir-riżoluzzjoni, il-Parlament esprima tħassib serju dwar l-insistenza tal-Gvern Brittaniku li juri r-rieda li jinnegozja biss fuq dawk l-oqsma li jolqtu lilu.


Ir-riżoluzzjoni ttenni wkoll is-sostenn sħiħ u sod tal-Parlament għall-Kap Negozjatur tal-UE Michel Barnier fit-taħditiet tiegħu man-negozjaturi Brittaniċi, fuq il-bażi tal-mandat politiku mogħti lilu mill-Istati Membri tal-UE u mill-Parlament.


L-MPE appellaw ukoll lir-Renju Unit biex jirrispetta l-impenji tiegħu stabbiliti fid-Dikjarazzjoni Politika, iffirmata mill-Prim Ministru Boris Johnson u ratifikata kemm mill-UE kif ukoll mir-Renju Unit.


Obbligi ta' ħruġ


It-test jgħid li l-implimentazzjoni stretta tal-Protokoll dwar l-Irlanda u l-Irlanda ta' Fuq, u l-implimentazzjoni korretta tal-Ftehim dwar il-Ħruġ, inkluż tad-drittijiet taċ-ċittadini, hija prekundizzjoni biex ikun hemm il-fiduċja meħtieġa biex jiġi konkluż ftehim dwar ir-relazzjoni futura.


Kompetizzjoni fuq bażi ugwali, is-sajd


It-test jenfasizza wkoll li l-approvazzjoni tal-Parlament għal kwalunkwe ftehim ta' kummerċ mar-Renju Unit hija suġġetta wkoll għall-qbil min-naħa tal-Gvern Brittaniku għal kundizzjonijiet ekwi (regoli u standards komuni) fil-qasam, fost l-oħrajn, tal-protezzjoni ambjentali, standards tax-xogħol u għajnuna mill-istat, u fuq il-konklużjoni ta' ftehim sodisfaċenti dwar is-sajd. Dan huwa essenzjali minħabba l-prossimità ġeografika tar-Renju Unit, il-livell ta' interkonnessjoni, u l-livell għoli ta' allinjament u interdipendenza eżistenti mar-regoli tal-UE.


Ir-riżoluzzjoni tgħid li l-gvern Brittaniku s'issa ma daħalx f'negozjati dwar id-dispożizzjonijiet li jiżguraw kompetizzjoni ekwa.


Ir-riżoluzzjoni, adottata b’572 vot favur, 34 kontra u 91 astensjoni, hija dalwaqt disponibbli hawnhekk (18.06.2020)


Kwotazzjoni


"L-Unjoni Ewropea u r-Renju Unit urew rieda li jagħmlu progress sinifikanti fin-negozjati matul ix-xahar ta' Lulju. Permezz tar-riżoluzzjoni f'waqtha tiegħu adottata illum, il-Parlament Ewropew qed jesprimi li huwa lest jikkonkludi ftehim ambizzjuż u ġust, mingħajr ma jiġu kompromessi l-prinċipji u l-miri tagħna", qal David McAllister (PPE, DE), President tal-Kumitat għall-Affarijiet Barranin tal-Parlament Ewropew u l-Grupp ta' Koordinazzjoni dwar ir-Renju Unit (UKCG), f'kummenti li ta dwar il-votazzjoni fil-plenarja u l-eżitu tal-laqgħa ta' livell għoli bejn l-UE u r-Renju Unit tal-15 ta' Ġunju.

Agħfas fuq l-ismijiet biex tara l-filmati sħaħ ta' dikjarazzjonijiet fil-plenarja individwali ta':


David McAllister


Bernd Lange (S&D, DE), President tal-Kumitat tal-Parlament Ewropew għall-Kummerċ Internazzjonali, membru tal-UKCG


Kati Piri (S&D, NL), ko-rapporteur, membru tal-UKCG


Christophe Hansen (PPE, LU), ko-rapporteur, membru tal-UKCG


Kuntest

Il-perjodu kurrenti ta' tranżizzjoni jiskadi fil-31 ta' Diċembru 2020. Sabiex ftehim kummerċjali ġdid u ftehim ġenerali jidħol fis-seħħ mill-għada, jeħtieġ li jiġi ffirmat miż-żewġ naħat fin-negozjati l-aktar tard sa Ottubru. It-test imbagħad jeħtieġ li jiġi rratifikat kemm mill-Parlament Ewropew kif ukoll mill-Parlament tar-Renju Unit, u, f'każ ta' hekk imsejjaħ ftehim imħallat, mill-parlamenti nazzjonali tal-Istati Membri kollha tal-UE.