Il-Konferenza dwar il-Ġejjieni tal-Ewropa għandha tibda “malajr kemm jista’ jkun fil-ħarifa tal-2020” 

Stqarrija 
Is-sessjoni plenarja 
 
 

Aqsam din il-paġna ma' ħaddieħor: 

  • Il-COVID-19 ġabet in-nuqqasijiet istituzzjonali tal-UE fil-wiċċ
  • Il-Kunsill jeħtieġ li jadotta pożizzjoni sensibbli fil-futur immedjat u jimpenja ruħu għal riformi mmexxija mill-Konferenza

Il-Parlament iħeġġeġ lill-Kunsill “jippreżenta minnufih pożizzjoni dwar il-format u l-organizzazzjoni tal-Konferenza” biex iċ-ċittadini jsemmgħu leħinhom.

F’riżoluzzjoni adottata b’ 528 vot favur, 124 kontra u 45 astensjonijiet, il-Parlament jiddikjara li “10 snin wara [...] t-Trattat ta’ Lisbona, 70 snin wara d-Dikjarazzjoni ta’ Schuman, u fil-kuntest tal-pandemija tal-COVID-19, wasal iż-żmien għal valutazzjoni mill-ġdid tal-Unjoni.” Il-MPE jżidu li “l-għadd ta’ kriżijiet sinifikanti li l-Unjoni għaddiet minnhom juri li r-riformi istituzzjonali u politiċi huma meħtieġa f’diversi oqsma ta’ governanza”.


Il-Parlament jafferma mill-ġdid ukoll ir-riżoluzzjoni tiegħu ta’ Jannar 2020 li tenfasizza li l-vuċijiet taċ-ċittadini għandhom ikunu fil-qalba ta’ diskussjonijiet wesgħin dwar kif għandhom jiġu indirizzati l-isfidi interni u esterni li ma kinux previsti fiż-żmien tat-Trattat ta’ Lisbona.


Filwaqt li rrikonoxxew li l-Konferenza ddewmet minħabba l-pandemija tal-COVID-19, il-MPE jappellaw liż-żewġ istituzzjonijiet l-oħra biex “jimpenjaw ruħhom fin-negozjati biex jintlaħaq ftehim komuni [...] qabel il-waqfa tas-sajf”. Għalkemm jilqa’ “r-rieda tal-Kummissjoni li timxi ‘l quddiem b’mod rapidu”, il-Parlament “jiddispjaċih li l-Kunsill għadu ma adottax pożizzjoni”.


Il-MPE ddiskutew il-Konferenza mas-Sinjura Nikoladina Brnjac f’isem il-Presidenza Kroata tal-Kunsill, u Viċi President tal-KE għad-Demokrazija u d-Demografija, Dubravka Šuica, nhar l-Erbgħa waqt is-sessjoni plenarja. Tista’ terġa’ ssegwi d-dibattitu li ġie rreġistrat billi tikklikkja hawnhekk, li tibda fl-19.05, jew issegwi siltiet hawnhekk.

Sfond

Il-Konferenza dwar il-Futur tal-Ewropa mistennija tiġi organizzata mill-Parlament, il-Kunsill u l-Kummissjoni u kienet mistennija tibda f’Mejju 2020 u ddum sentejn. Il-Parlament irid li ċ-ċittadini ta’ kull sfond, ir-rappreżentanti tas-soċjetà ċivili u l-partijiet interessati fil-livell Ewropew, nazzjonali, reġjonali u lokali jiġu involuti fl-istabbiliment tal-prijoritajiet tal-UE f’konformità mat-tħassib taċ-ċittadini f’approċċ minn isfel għal fuq, trasparenti, parteċipattiv u bbilanċjat sew.


Barra minn hekk, il-MPE jinsistu fuq proċess ta’ parteċipazzjoni miftuħa taċ-ċittadini li se jistabbilixxi l-ambitu tal-Konferenza nnifisha, u jitolbu segwitu sinifikanti għall-konklużjonijiet tal-Konferenza, inkluż impenn espress mit-tliet istituzzjonijiet ewlenin tal-UE għal riformi sostantivi tal-UE f’konformità mat-tħassib taċ-ċittadini, li potenzjalment jinkludi reviżjoni tat-Trattati tal-UE.