Il-MPE jiddiskutu l-fond ta’ rkupru, jikkundannaw it-tnaqqis kbir għall-baġit fit-tul tal-UE 

Stqarrija 
 
 

Aqsam din il-paġna ma' ħaddieħor: 

Il-mexxejja politiċi jiddiskutu l-eżitu tas-summit dwar il-baġit fit-tul tal-UE u l-fond ta’ rkupru mal-Presidenti Michel u von der Leyen  

F’sessjoni plenarja straordinarja, il-MPE kkummentaw il-ftehim tal-Kunsill Ewropew tas-17 sal-21 ta’ Lulju dwar il-finanzjament tal-UE u l-pjan ta’ rkupru biex tiġi indirizzata l-pandemija.

Fid-dibattitu mal-Presidenti tal-Kunsill u tal-Kummissjoni Charles Michel u Ursula von der Leyen, il-qbil milħuq fil-laqgħa reċenti tal-Kunsill Ewropew dwar il-fond ta’ rkupru ġie kkwalifikat bħala “storiku” minn ħafna MPE minħabba li, għall-ewwel darba, l-Istati Membri qablu li joħorġu EUR 750 biljun ta’ dejn konġunt. Madankollu, bit-tnaqqis li sar għall-baġit fit-tul (il-qafas finanzjarju pluriennali, QFP), il-biċċa l-kbira kienu “dispjaċuti”.


“M’aħniex lesti nibilgħu l-QFP”, qal Manfred Weber (PPE). Barra minn hekk, il-mexxejja tal-S&D Iratxe García ma aċċettatx it-tnaqqis, “mhux fi żmien meta hemm bżonn li nsaħħu l-awtonomija strateġika tagħna u nnaqqsu d-differenzi bejn l-Istati Membri”.


Ħafna enfasizzaw li l-kwistjoni tar-rimborż tad-dejn ma ġietx solvuta. Il-MPE insistew li l-piż m’għandux jaqa’ fuq iċ-ċittadini, u li trid tiġi garantita sistema robusta ta’ riżorsi proprji ġodda għar-rimborż tad-dejn, li tinkludi taxxa diġitali jew imposti fuq il-karbonju, u dan b’kalendarju vinkolanti. Barra minn hekk, ħafna enfasizzaw li “l-UE mhijiex magna tal-flus għall-baġits nazzjonali”, filwaqt li iddeploraw il-fatt li l-pajjiżi “frugali” ma jridux iħallsu l-prezz biex jibbenefikaw mis-suq uniku, u insistew li l-flus m’għandhomx imorru għal gvernijiet “psewdodemokratiċi” li ma jirrispettawx l-istat tad-dritt u l-valuri tal-UE.


Oħrajn kienu aktar xettiċi dwar l-idea li r-riżorsi proprji ġodda ser jiġġeneraw biżżejjed biex jitħallas lura d-dejn kollu u wissew li l-kriżi m’għandhiex tintuża bħala pretest għal aktar integrazzjoni fl-UE. Madankollu, l-biċċa l-kbira tal-MPE enfasizzaw li l-Parlament huwa lest għal negozjati rapidi biex isir it-titjib meħtieġ għall-pożizzjoni komuni tal-Kunsill.


Il-MPE issa ser jivvutaw dwar riżoluzzjoni biex jingħalaq id-dibattitu, li ser iservi ta’ mandat għan-negozjati li jmiss mal-Presidenza Ġermaniża tal-Kunsill tal-UE. Ir-riżultat tal-votazzjoni finali ser jitħabbar illum fil-plenarja fil-17.30.


Ikklikkja fuq links biex tara dikjarazzjonijiet individwali

Charles Michel, President tal-Kunsill Ewropew


Ursula von der Leyen, President tal-Kummissjoni Ewropea


Manfred Weber (PPE, DE), Iratxe García Pérez (S & D, ES), Dacian Cioloș (RE, RO), Nicolas Bay (ID, FR), Philippe Lamberts (Ħodor/EFA, BE)


Robert Zīle (ECR, LV), Martin Schirdewan (GUE/NGL, DE)


Kummenti ta’ għeluq minn Charles Michel, President tal-Kunsill Ewropew