Kapaċità akbar tal-Protezzjoni Ċivili tal-UE meħtieġa fid-dawl tal-lezzjonijiet mill-COVID-19 

Stqarrija 
Is-sessjoni plenarja 
 
 

Aqsam din il-paġna ma' ħaddieħor: 

RescEU diġa appoġġa l-istati membri biex jiġu salvati n-nies. Il-MPE issa jridu jagħtuh rwol akbar. ©European Union 2020/EC/Piero Cruciatti  
  • L-UE għandha tkun kapaċi tippossjedi tagħmir komuni u tassisti direttament lill-Istati Membri meta l-kapaċitajiet nazzjonali jkunu mġebbda żżejjed
  • Sorveljanza parlamentari meħtieġa fuq l-ammonti allokati għall-prevenzjoni, it-tħejjija u r-rispons
  • In-negozjati għandhom jibdew immedjatament mal-Kunsill biex is-sistema l-ġdida ssir operattiva mill-2021

Il-Parlament jitlob li jissaħħaħ il-Mekkaniżmu tal-UE għall-Protezzjoni Ċivili sabiex l-UE tkun tista’ tirreaġixxi aħjar għal emerġenzi fuq skala kbira bħall-COVID-19.

Il-mekkaniżmu tal-UE għall-Protezzjoni Ċivili (UCPM) appoġġa b’suċċess lill-istati membri biex isalvaw il-ħajjiet, inkluż matul il-kriżi tal-COVID-19, permezz tal-koordinazzjoni u l-assistenza tal-isforzi tal-protezzjoni ċivili. Tagħmir mediku bħal ventilaturi, tagħmir protettiv personali, vaċċini u terapiji u provvisti tal-laboratorju ġie akkwistat ukoll permezz tar-rescEU biex jappoġġa s-servizzi tas-saħħa nazzjonali matul il-pandemija. Din il-ġimgħa, intuża biex tingħata aktar għajnuna lir-rifuġjati f’Lesvbos wara n-nirien fil-kamp tar-rifuġjati f’Moria.


Madankollu, il-pandemija wriet ukoll li, meta ħafna Stati Membri jintlaqtu simultanjament mill-istess emerġenza, il-mod kif tiġi stabbilita l-ġestjoni attwali tal-kriżi għandu l-limiti tiegħu. Il-Parlament għalhekk irid isaħħaħ ir-rwol tal-UE permezz tar-rescEU biex jiżgura li l-Istati Membri ma jkollomx jiddependu fuq assi proprji u appoġġ volontarju meta jittrattaw tali emerġenzi.


Jeħtieġ li jkun hemm aktar finanzjament tal-UE u li dan ikun trasparenti


Fin-negozjati li għaddejjin bħalissa dwar il-baġit tal-UE u l-fond ta’ rkupru, il-Parlament appoġġja ż-żieda sinifikanti fil-baġit propost mill-Kummissjoni.


Il-Parlament, madankollu, irid li jiġi allokat ammont ferm akbar għall-isforzi ta’ tħejjija, inkluż għax-xiri ta’ tagħmir, materjal u riżorsi ġodda meħtieġa għar-rescEU biex ikunu jistgħu jassistu aħjar lill-Istati Membri meta l-kapaċitajiet nazzjonali jkunu mġebbda żżejjed. Dan għandu jagħmilha possibbli li jkun hemm rispons rapidu u effettiv għal emerġenzi fuq skala kbira jew għal avvenimenti li rarament iseħħu iżda li jkollhom impatt kbir, inklużi emerġenzi mediċi bħall-COVID-19.


Biex ikun hemm aktar trasparenza dwar l-użu tal-finanzjament tal-UE, il-MPE jridu wkoll li jiġi speċifikat kif il-flus jiġi allokat fit-tliet pilastri tal-mekkaniżmu: il-prevenzjoni, it-tħejjija u r-rispons.


Tista’ tara l-filmat tad-dibattitu hawnhekk.


Il-passi li jmiss


Ir-rapport ġie adottat b’617-il vot favur, 52 u 23 astensjoni. Il-Parlament issa huwa lest li jibda n-negozjati mal-Istati Membri biex il-mekkaniżmu mġedded ikun jista’ jidħol fis-seħħ sa Jannar 2021.


Sfond


Il-mekkaniżmu tal-Protezzjoni Ċivili, stabbilit fl-2013, inizjalment kellu l-għan li jsaħħaħ il-kooperazzjoni bil-ħsieb li jtejjeb il-prevenzjoni, it-tħejjija u r-rispons għad-diżastri. Meta l-iskala kbira ta’ emerġenza tkun akbar mill-kapaċità ta’ pajjiż li jirrispondi, dan jista’ jitlob assistenza volontarja minn pajjiżi oħra permezz tal-Mekkaniżmu.


Fl-2019, rescEU nħolqot biex tippermetti lill-UE tassisti direttament lill-istati membri milquta minn diżastri meta l-kapaċitajiet nazzjonali jkunu mġebbda żżejjed. L-ajruplani u l-ħelikopters tat-tifi tan-nar tagħha appoġġaw lill-Istati Membri biex isalvaw il-ħajjiet f’nofs it-terremoti, l-uragani, l-għargħar u n-nirien fil-foresti u għenew biex jevakwaw ċittadini tal-UE— inkluż aktar minn 75.000 ċittadin tal-UE matul il-kriżi attwali tal-COVID-19. Tagħmir mediku bħal ventilaturi, tagħmir protettiv personali, terapiji u provvisti tal-laboratorju ġew pprovdut permezz tar-rescEU b’appoġġ għas-servizzi tas-saħħa nazzjonali matul il-pandemija.