COVID-19: Jeħtieġ li l-Istati Membri jarmonizzaw il-valutazzjonijiet u l-miżuri  

Stqarrija 
Is-sessjoni plenarja 
 
 

Aqsam din il-paġna ma' ħaddieħor: 

Miżuri nazzjonali differenti jridu jiġu armonizzati biex jiffaċilitaw l-ivvjaġġar transkonfinali matul l-pandemija © Vojtech Vlk/Adobe Stock  
  • Il-virus jista’ jibqa’ attiv għal diversi xhur, sakemm jinstab vaċċin effiċjenti u sikur
  • Hemm bżonn ta’ definizzjoni komuni għal xi jkun każ pożittiv tal-COVID-19, għal mewt bil-COVID-19 u għall-irkupru mill-infezzjoni
  • L-istaġun tal-influwenza x’aktarx li ser iżid in-numru ta’ nies li għandhom jiġu ttestjati

Il-MPE jgħidu li definizzjonijiet komuni, kriterji u metodoloġiji tas-saħħa huma essenzjali biex tiġi miġġielda l-pandemija li għaddejja bħalissa u l-konsegwenzi ekonomiċi tagħha fl-UE.

Imħassba biż-żieda reċenti fil-każijiet pożittivi tal-COVID-19 madwar l-Ewropa, il-MPE ddeploraw li l-Istati Membri ma ħadux il-lezzjonijiet mill-bidu tal-kriżi u reġgħu ħadu miżuri differenti u mhux koordinati.

F’riżoluzzjoni adottata b’595 vot favur, 50 kontra u 41 astensjoni nhar il-Ħamis, huma indikaw in-nuqqas ta’ metodoloġija armonizzata użata biex jinġabar u jiġi evalwat l-għadd ta’ persuni infettati, li jwassal għal valutazzjonijiet tar-riskju għas-saħħa u restrizzjonijiet differenti tal-moviment liberu għal persuni li jivvjaġġaw minn pajjiżi oħra tal-UE.

Wara d-dibattitu tat-Tlieta mal-Kummissarju Didier Reynders u l-Ministru Michael Roth tal-presidenza Ġermaniża, il-Parlament iħeġġeġ lill-Istati Membri biex

  • jadottaw l-istess definizzjoni għal każ pożittiv ta’ COVID-19, għal mewt bil-COVID-19 u għall-irkupru mill-infezzjoni,
  • jirrikonoxxu reċiprokament ir-riżultati tat-testijiet fl-Istati Membri kollha,
  • jaqtaw il-ħinijiet sproporzjonati ta’ stennija għat-testijiet
  • jistabbilixxu perijodu komuni ta’ kwarantina,
  • Jikkoordinaw ir-restrizzjonijiet fuq l-ivvjaġġar meta jkun meħtieġ, f’konformità mal-proposta tal-Kummissjoni u
  • jiddiskutu kif wieħed jista’ jerġa’ lura għal żona Schengen li tiffunzjona bis-sħiħ, mingħajr kontrolli fil-fruntieri interni u pjanijiet ta’ kontinġenza, malajr kemm jista’ jkun.

Iċ-Ċentru Ewropew għall-Prevenzjoni u l-Kontroll tal-Mard (ECDC) għandu jkun inkarigat mill-valutazzjoni tar-riskju tat-tixrid tal-virus u mill-pubblikazzjoni ta’ mappa tar-riskju aġġornata kull ġimgħa (għal kull reġjun), bl-użu ta’ kodiċi komuni tal-kuluri, abbażi tad-data pprovduta mill-Istati Membri, jgħidu l-MPEs. Ir-riżorsi u l-persunal tiegħu għandhom jiżdiedu immedjatament.

L-użu ta’ apps ċari għat-traċċar irid jitħeġġeġġ

Ir-riżoluzzjoni titlob lill-Kummissjoni tiżviluppa formola armonizzata ta’ lokalizzatur tal-passiġġieri biex tinbena l-fiduċja fis-sistema ta’ monitoraġġ fl-UE kollha. L-użu ta’ apps għat-traċċar għandu jitħeġġeġ, skont il-MPE, li jistennew li s-sistemi nazzjonali jkunu interoperabbli sa Ottubru, biex jippermettu t-traċċar madwar l-UE tal-COVID-19. Huma jenfasizzaw li dawn l-apps iridu joperaw f’konformità sħiħa mar-Regolament Ġenerali dwar il-Protezzjoni tad-Data.