Liġi tal-UE dwar il-klima: Il-MPE jridu miri tat-tnaqqis tal-emissjonijiet 2030 ta' 60%  

Stqarrija 
Is-sessjoni plenarja 
 
 

Aqsam din il-paġna ma' ħaddieħor: 

Il-Parlament irid li kull Stat Membru tal-UE jsir newtrali f'termini ta' emissjonijiet tal-karbonju sal-2050. ©Adobe Stock  
  • Baġit għall-gassijiet serra biex ikun żgurat li l-UE tilħaq il-miri ta' Pariġi
  • Korp xjentifiku indipendenti mwaqqaf biex jimmonitorja l-progress
  • Is-sussidji kollha għall-fjuwils fossili, kemm diretti kif ukoll indiretti, għandhom jiġu eliminati gradwalment, l-aktar tard sal-2025

L-Istati Membri jridu jsiru newtrali għall-klima sal-2050, jgħid il-PE f'vot dwar liġi dwar il-klima, u jitlob miri ambizzjużi tal-emissjonijiet 2030 u 2040.

Nhar l-Erbgħa, il-Parlament adotta l-mandat ta' negozjar tiegħu dwar il-liġi dwar il-klima tal-UE

b'392 vot favur, 161 vot kontra, u 142 astensjonijiet. Il-liġi l-ġdida għandha l-mira li tittrasforma l-wegħdiet politiċi li l-UE ssir newtrali għall-klima sal-2050 f'obbligu vinkolanti u biex iċ-ċittadini u n-negozji Ewropej jingħataw iċ-ċertezza legali u l-prevedibbiltà li jeħtieġu biex jippjanaw għat-trasformazzjoni.

Il-MPE jinsistu li kemm l-UE kif ukoll l-Istati Membri kollha individwalment iridu jsiru newtrali għall-klima sal-2050 u li wara dan, l-UE tikseb "emissjonijiet negattivi". Biex jintlaħaq dan, huma jitolbu wkoll li jingħata finanzjament suffiċjenti.


Il-MPE saħqu li sal-31 ta' Mejju 2023, il-Kummissjoni trid tipproponi, permezz tal-proċedura ordinarja dwar teħid ta' deċiżjonijiet, trajettorja f'livell tal-UE dwar kif tinkiseb in-newtralità karbonika sal-2050. Hija trid tikkunsidra wkoll it-total tal-bqija tal-emissjonijiet ta' gassijiet serra (GHG) tal-UE sal-2050 biex tiġi llimitata ż-żieda fit-temperatura skont il-Ftehim ta' Pariġi. It-trajettorja tkun riveduta wara kull rendikont fuq livell globali.


Il-MPE jridu wkoll iwaqqfu Kunsill Ewropew dwar it-Tibdil fil-Klima (ECCC) bħala korp xjentifiku indipendenti biex jivvaluta jekk il-politika hijiex konsistenti u biex jimmonitorja l-progress.


Mira għall-2030 aktar ambizzjuża


Il-miri għat-tnaqqis tal-emissjonijiet kurrenti tal-UE għall-2030 huma ta' 40% ikkomparat mal-1990. Il-Kummissjoni reċentement ipproponiet żieda ta' din il-mira għal "mill-inqas 55%" fil-proposta emendata għal liġi dwar il-klima tal-UE. Il-MPE llum żiedu l-mira aktar, fejn talbu għal tnaqqis ta' 60% fl-2030, filwaqt li żiedu li l-miri nazzjonali għandhom jiżdiedu b’mod kosteffiċjenti u ġust.

Huma jridu wkoll mira interim għall-2040, li għandha tiġi proposta mill-Kummissjoni wara valutazzjoni tal-impatt, biex ikun żgurat li l-UE qiegħda fit-triq it-tajba biex tilħaq il-mira tagħha għall-2050.


Fl-aħħar nett, il-MPE jsostnu li l-UE u l-Istati Membri jridu jeliminaw gradwalment ukoll is-sussidji kollha għall-fjuwils fossili, kemm diretti kif ukoll indiretti, l-aktar tard sal-31 ta' Diċembru 2025, filwaqt li jisħqu fuq il-ħtieġa li jitkomplew l-isforzi fil-ġlieda kontra l-faqar enerġetiku.

Kwotazzjoni

Wara l-votazzjoni, ir-rapporteur tal-Parlament Jytte Guteland (S&D, l-Iżvezja) qalet: "L-adozzjoni tar-rapport tibgħat messaġġ ċar lill-Kummissjoni u lill-Kunsill, fid-dawl tan-negozjati li ġejjin. Aħna nistennew li l-Istati Membri kollha jiksbu n-newtralità klimatika l-aktar tard sal-2050 u neħtieġu miri interim b'saħħithom fl-2030 u fl-2040 biex l-UE tikseb dan.


Jien sodisfatta wkoll bl-inklużjoni ta' baġit għall-gassijiet serra, li jistabbilixxi l-bqija tal-kwantità totali ta' emissjonijiet li jistgħu jiġu rilaxxati sal-2050, mingħajr ma jkunu pperikolati l-impenji tal-UE taħt il-Ftehim ta' Pariġi."


Il-passi li jmiss


Il-Parlament issa huwa lest biex jibda negozjati mal-Istati Membri wara li l-Kunsill ikun laħaq ftehim fuq pożizzjoni komuni.


L-isfond


Wara d-deċiżjoni tal-Kunsill Ewropew (2019) li tappoġġa l-mira tan-newtralità klimatika sal-2050, il-Kummissjoni f'Marzu 2020 ipproponiet il-liġi dwar il-klima tal-UE li tintroduċi rekwiżit legali li l-UE ssir newtrali għall-klima sal-2050.


Il-Parlament kellu rwol importanti fejn għamel pressjoni biex tiddaħħal leġiżlazzjoni aktar ambizzjuża tal-UE dwar il-klima u ddikjara emerġenza klimatika fit-28 ta' Novembru 2019.