Il-PE jitlob mekkaniżmu legalment vinkolanti effettiv li jħares il-valuri tal-UE 

Stqarrija 
Is-sessjoni plenarja 
 
 

Aqsam din il-paġna ma' ħaddieħor: 

Il-MPE jistennew l-Kummissjoni twieġew għall-proposta komprensiva tagħhom għal mekkaniżmu annwali ta' monitoraġġ pan-UE ©AdobeStock_Sergign  
  • Riżoluzzjoni biex jiġu protetti d-demokrazija, l-istat tad-dritt u d-drittijiet fundamentali fl-Istati Membri kollha
  • L-UE "għadha strutturalment mhux mgħammra tajjeb" biex tindirizza r-rigressjonijiet fir-rigward tal-valuri fundaturi tagħha
  • Il-proposta tal-Parlament għandha aspetti preventivi u korrettivi

Jeħtieġ rakkomandazzjonijiet annwali speċifiċi għal kull pajjiż li jistgħu jagħtu bidu għall-mekkaniżmu ta’ protezzjoni tal-valuri tal-UE, proċedimenti ta’ ksur u kundizzjonalita baġitarja.

F'riżoluzzjoni adottata nhar l-Erbgħa b'521 vot favur, 152 vot kontra u 21 astensjoni, il-Parlament Ewropew qed iressaq il-proposta tiegħu għal mekkaniżmu tal-UE li jipproteġi u jsaħħaħ id-demokrazija, l-istat tad-dritt u d-drittijiet fundamentali.


Il-ħtieġa għal mekkaniżmu effettiv

It-test itenni t-tħassib tal-MPE dwar "iż-żieda u t-tisħiħ tat-tendenzi awtokratiċi u illiberali", li qed ikomplu jaggravaw minħabba l-pandemija tal-COVID-19", kif ukoll "il-korruzzjoni, id-diżinformazzjoni u l-manipulazzjoni tal-Istat", f'diversi pajjiżi tal-UE. Huwa jgħid ukoll li l-UE m'għandhiex l-għodod meħtieġa biex tindirizza "kriżi bla preċedent u li qed taggrava tal-valuri fundamentali tagħha", filwaqt li jiddispjaċih dwar in-nuqqas ta' ħila tal-Kunsill biex jagħmel progress sinifikanti fil-proċeduri tal-Artikolu 7 li għaddejjin bħalissa u jinnota li dan "qed jippermetti diverġenza kontinwa".


Biex jiġu protetti b'mod effettiv l-ordinament ġuridiku tal-Unjoni Ewropea, id-drittijiet fundamentali taċ-ċittadini tagħha u l-kredibilità internazzjonali tagħha mid-deterjorazzjoni tal-valuri tal-Artikolu 2, il-MPE jipproponu għodda bbażata fuq l-evidenza li tkun tapplika b'mod ugwali, oġġettiv u ġust għall-Istati Membri kollha, filwaqt li tirrispetta l-prinċipji ta' sussidjarjetà u proporzjonalità.


Ftehim interistituzzjonali għal "Ċiklu ta' Monitoraġġ Annwali dwar il-valuri tal-Unjoni"

Iċ-"Ċiklu ta' Monitoraġġ Annwali" ġdid irid jinkludi aspetti preventivi u korrettivi ibbażati fuq rakkomandazzjonijiet speċifiċi għall-pajjiżi, bi skedi ta' żmien u miri marbuta ma' miżuri konkreti, inklużi l-Proċeduri tal-Artikolu 7, proċedimenti ta' ksur u l-kondizzjonalità baġitarja (ladarba tidħol fis-seħħ). Il-proposta tal-Parlament se tikkonsolida u tissostitwixxi l-mekkaniżmi eżistenti, bħar-Rapport riċenti tal-Istat tad-Dritt fil-KE.


Kwotazzjoni

"Il-proposta tagħna tissostitwixxi u tikkomplementa diversi għodod li ma kienux effettivi b'Ċiklu ta' Monitoraġġ Annwali uniku. In-nuqqas biex jiġu indirizzati problemi serji identifikati f'dan il-kuntest jista' jwassal għal miżuri korrettivi speċifiċi, li jistgħu jkunu aktar effiċjenti mill-qafas kurrenti inkoerenti li għandna, speċjalment ladarba jkun hemm il-kondizzjonalità baġitarja. Il-konklużjoni ta' ftehim interistituzzjonali jibgħat sinjal qawwi li l-UE qed tieħu bis-serjetà l-protezzjoni tas-sisien kostituzzjonali tagħha", qal ir-rapporteur Michal Šimečka (Renew, SK).


Il-passi li jmiss

Il-MPE issa qed jistennew li l-Kummissjoni tressaq proposta abbażi ta' din ir-riżoluzzjoni.


L-isfond

Il-Parlament talab sa mill-2016 li jkun hemm mekkaniżmu permanenti biex jipproteġi d-demokrazija u l-istat tad-dritt. Il-Parlament insista sa mill-2018 li tali għodda ġdida trid tintrabat mal-protezzjoni tal-baġit tal-Unjoni Ewropea meta Stat Membru, b'mod konsistenti ma jirrispettax l-istat tad-dritt. Il-MPE irriferew ukoll għas-Semestru Ewropew bħala riżorsa utli li jistgħu jużaw.