Politika tal-biedja tal-UE aktar ekoloġika, ġusta u b'saħħitha  

Stqarrija 
 
 

Aqsam din il-paġna ma' ħaddieħor: 

Il-MPE jridu politika agrikola aktar sostenibbli u resiljenti biex tkun tista' tipproduċi s-sikurezza alimentari fl-UE ©AdobeStock/Vadim  
  • Aktar għajnuna għal dawk li jużaw prattiki aktar ekoloġiċi u favur l-ambjent
  • Ħlasijiet diretti annwali limitati għal massimu ta' €100,000, aktar għajnuna għall-SMEs
  • Miżuri mfassla apposta biex jgħinu lill-bdiewa jkampaw fil-kriżijiet
  • Sanzjonijiet ogħla meta xi ħadd ripetutament jikser regoli, eż. dwar l-ambjent jew il-benessri tal-annimali

Il-politika tal-biedja futura tal-UE għandha tkun aktar flessibbli, sostenibbli u reżiljenti għall-kriżijiet, sabiex il-bdiewa jkunu jistgħu jkomplu jiżguraw il-provvista tal-ikel fl-UE.

Nhar il-Ġimgħa, il-MPE adottaw il-pożizzjoni tagħhom dwar ir-riforma tal-politika tal-biedja tal-UE għal wara l-2022. It-tim ta' negozjaturi tal-PE jinsab lest biex jibda t-taħditiet mal-ministri tal-UE.


Lejn politika bbażata fuq il-prestazzjoni


Il-MPE approvaw bidla fil-politika li għandha tfassal aħjar il-politika tal-biedja tal-UE għall-ħtiġijiet tal-istati membri individwali iżda jinsistu li jkun hemm kundizzjonijiet ekwi madwar l-Unjoni. Il-gvernijiet nazzjonali għandhom jabbozzaw pjanijiet strateġiċi, li jkunu approvati mill-Kummissjoni, li jispeċifikaw kif biħsiebhom jimplementaw fil-prattika l-għanijiet tal-UE. Il-Kummissjoni tkun qed tivverifika l-prestazzjoni tagħhom, u mhux biss il-konformità tagħhom mar-regoli tal-UE.


Il-promozzjoni ta' prestazzjoni ambjentali aħjar tal-farms tal-UE


L-objettivi tal-pjanijiet strateġiċi għandhom jitwettqu f’konformita mal-Ftehim ta’ Pariċi, jgħidu l-MPE.


Il-Parlament saħħaħ prattiċi mandatorji klimatiċi u ekoloġiċi, l-hekk imsejħa kundizzjonalità, li kull bidwi jrid japplika biex jikseb għajnuna diretta. Barra minn hekk, il-MPE jridu jallokaw mill-inqas 35% tal-baġit tal-iżvilupp rurali għat-tipi kollha ta' miżuri relatati mal-ambjent u l-klima. Mill-inqas 30% tal-baġit tal-ħlasijiet diretti għandu jintuża għal ekoskemi, li jkunu volontarji iżda jistgħu jżidu d-dħul tal-bdiewa.


Il-MPE jinsistu li jitwaqqfu servizzi ta' konsulenza għall-farms f'kull stat membru u li jiġi allokat mill-inqas 30% tal-finanzjament sponsorjat tagħhom mill-UE f'għajnuna lill-bdiewa fil-ġlieda kontra t-tibdil fil-klima, l-immaniġġjar sostenibbli tar-riżorsi naturali u l-ħarsien tal-bijodiversità. Huma jitolbu wkoll lill-Istati Membri jħeġġu lill-bdiewa jiddedikaw 10% tal-art tagħhom għall-landscaping li jiffavorixxi l-bijodiversità, bħal hedges, siġar mhux produttivi u vaski.


It-tnaqqis ta' ħlasijiet lil farms akbar, b'għajnuna għal bdiewa żgħar u żgħażagħ


Il-MPE vvutaw biex inaqqsu progressivament il-ħlasijiet diretti annwali lill-bdiewa li jkunu aktar minn €60,000 u jillimitawhom għal €100,000. Madankollu, il-bdiewa jistgħu jitħallew inaqqsu 50% tas-salarji relatati mal-agrikoltura mill-ammont totali qabel it-tnaqqis. Mill-inqas 6% tal-ħlasijiet diretti nazzjonali għandhom jintużaw biex jgħinu lill-farms żgħar u ta' daqs medju iżda jekk jintuża aktar minn 12%, il-limitu għandu jkun volontarju, jisħqu l-MPE.

Il-pajjiżi tal-UE jistgħu jużaw mill-inqas 4% tal-baġits tal-ħlasijiet diretti biex jgħinu lill-bdiewa żgħażagħ. Tista' tingħata aktar għajnuna mill-finanzjament għall-iżvilupp rurali fejn l-investimenti tal-bdiewa żgħażagħ jistgħu jkunu pprijoritizzati, jisħqu l-MPE.


Il-Parlament jisħaq li s-sussidji tal-UE għandhom ikunu riżervati biss għal dawk li jwettqu mill-inqas livell minimu ta' attività agrikola. L-operaturi tal-ajruporti, servizzi ferrovjarji, infrastrutturi tal-ilma, servizzi immobiljari, postijiet permanenti fejn isiru sports u attivitajiet rikreattivi għandhom ikunu esklużi awtomatikament.

Veggie burgers u tofu steaks: ebda bidla fit-tikkettar tal-prodotti ibbażi fuq haxix

Il-MPE rrifjutaw kull proposta biex xi ismijiet relatati mal-laħam jiġu riżervati għal prodotti li jkun fihom il-laħam. M’hu ser jinbidel xejn għall-prodotti bbażati fuq il-ħaxix u l-ismijiet li bihom dawn huma kkumerċjalizzati.


Għajnuna lill-bdiewa biex jittrattaw riskji u kriżijiet


Il-Parlament insista għal miżuri oħra ta' għajnuna għall-bdiewa biex jittrattaw riskji u kriżijiet potenzjali futuri. Huwa jrid li s-suq ikun aktar trasparenti, strateġija ta' intervent għall-prodotti kollha agrikoli, u prattiċi bil-għan ta' standards ogħla ambjentali, tas-saħħa jew tal-benessri tal-annimali li jkunu eżenti mir-regoli tal-kompetizzjoni. Irid ukoll li r-riżerva għal kriżijiet, li tgħin lill-bdiewa f'każ ta' instabbiltà tal-prezzijiet jew tas-suq, tinbidel b'strument ad hoc għal wieħed permanenti b'baġit adegwat.


Sanzjonijiet ogħla għal ksur ripetut u mekkaniżmu tal-ilmenti tal-UE

Il-Parlament irid iżid is-sanzjonijiet għal dawk li ripetutament jonqsu milli josservaw ir-rekwiżiti tal-UE dwar l-ambjent jew il-benessri tal-annimali. Dan għandu jiswa lill-bdiewa 10% ta' dak li huma intitolati għalih (żieda mill-5% tal-lum).


Il-MPE jridu wkoll li jitwaqqaf mekkaniżmu tal-ilmenti tal-UE ad hoc. Dan iservi lill-bdiewa u lill-benefiċjarji rurali li huma trattati inġustament jew b'mod żvantaġġat fir-rigward tas-sussidji tal-UE, jekk il-gvern nazzjonali tagħhom jonqos milli jittratta l-ilment tagħhom.


Ir-riżultati tal-votazzjoni u aktar informazzjoni

Ir-regolament dwar il-pjanijiet strateġiċi ġie adottat b’425 vot favur, 212 kontra u 51 astensjoni.


Ir-regolament dwar l-organizzazzjoni komuni tas-suq ġie adottat b’463 vot favur, 133 kontra u 92 astensjoni.


Ir-regolament dwar il-finanzjament, l-immaniġġjar u l-monitoraġġ tal-Politika Agrikola Komuni ġie adottat b’434 vot favur, 185 kontra u 69 astensjoni.

Aktar informazzjoni dwar it-testi approvati hija disponibbli fin-nota ta' sfond.


Hawnhekk tista’ ssib id-dikjarazzjonijiet tal-President tal-Kumitat dwar l-Agrikoltura u tat-tliet rapporteurs.



Sfond


L-aħħar riforma tal-politika tal-biedja tal-UE, stabbilita fl-1962, tmur lura għall-2013.


Ir-regoli attwali tal-Politika Agrikola Komuni jiskadu fil-31 ta' Diċembru 2020. Huma għandhom jiġu sostitwiti b'regoli tranżitorji sakemm jintlaħaq ftehim bejn il-Parlament u l-Kunsill dwar ir-riforma li għaddejja bħalissa tal-Politika Agrikola Komuni, u din tiġi approvata minnhom.


Il-Politika Agrikola Komuni tammonta għal 34.5% tal-baġit tal-UE tal-2020 (€58.12 biljun). Madwar 70% tal-baġit tal-Politika Agrikola Komuni jappoġġa d-dħul ta' bejn sitta u seba' miljun farm fl-UE.