Il-premju Sakharov 2020 mogħti lill-oppożizzjoni demokratika fil-Bjelorussja 

Stqarrija 
 
 

Aqsam din il-paġna ma' ħaddieħor: 

Il-forzi demokratiċi fil-Bjelorussja ilhom jipprotestaw lir-reġim brutali minn Awwissu ‘l hawn ©Nadia Buzhan/Nasha Niva  

L-oppożizzjoni demokratika fil-Bjelorussja ngħatat il-Premju Sakharov għal-Libertà tal-Ħsieb 2020.

Il-President tal-Parlament Ewropew David Sassoli ħabbar ir-rebbieħa fl-awla tal-plenarja fi Brussell f’nofsinhar nhar il-Ħamis, wara deċiżjoni preċedenti mill-Konferenza tal-Presidenti (President u mexxejja tal-gruppi politiċi).

“Nixtieq nifraħ lir-rappreżentanti tal-oppożizzjoni Belarussa għall-kuraġġ, ir-reżiljenza u d-determinazzjoni tagħhom. Huma baqgħu u għadhom b’saħħithom quddiem avversarju ħafna aktar b’saħħtu. Iżda għandhom fuq in-naħa tagħhom xi ħaġa li tkisser dak li l-forza qatt ma tista’ tegħleb — u din hija l-verità. Għalhekk il-messaġġ tiegħi għalikhom, għeżież rebbieħa, huwa li tibqgħu b’saħħitkom u ma ċċedux il-ġlieda tagħkom. Kunu afu li ninsabu magħkom”, qal il-President Sassoli, wara d-deċiżjoni.

“Nixtieq ukoll inżid kelma dwar il-qtil reċenti ta’ wieħed mill-finalisti ta’ din is-sena, Is-Sur Arnold Joaquín Morazán Erazo, parti mill-grupp ambjentali ta’ Guapinol. Il-grupp qed jopponi minjiera tal-ossidu tal-ħadid fil-Honduras. Huwa imperattiv li tinbeda investigazzjoni kredibbli, indipendenti u immedjata f’dan il-każ u li dawk responsabbli għandhom jinżammu responsabbli”, il-President Sassoli kompla jgħid.

Protesta kontra reġim brutali

L-oppożizzjoni demokratika fil-Bjelorussja hija rappreżentata mill-Kunsill ta’ Koordinazzjoni, inizjattiva ta’ nisa kuraġġużi, kif ukoll personaġġi prominenti politiċi u tas-soċjetà ċivili. Aqra aktar dwar ir-rebbieħa, kif ukoll il-finalisti l-oħra hawnhekk.

Il-Bjelorussja ilha fi kriżi politika mill-elezzjonijiet presidenzjali kontroversjali tad-9 ta’ Awwissu, li wasslet għal rewwixta kontra l-President awtoritarju Aliaksandr Lukashenka u ripressjoni brutali sussegwenti fuq id-dimostranti kontra r-reġim.

Iċ-ċerimonja tal-għoti tal-Premju Sakharov se ssir fis-16 ta’ Diċembru.

Nhar l-Erbgħa, il-Parlament adotta wkoll rakkomandazzjonijiet ġodda li jappellaw għal rieżami komprensiv tar-relazzjonijiet tal-UE mal-Bjelorussja. Aqra aktar hawnhekk.

Sfond

Il-premju Sakharov għal-Libertà tal-Ħsieb jingħata kull sena mill-Parlament Ewropew. Twaqqaf fl-1988 biex jagħti ġieħ lil individwi u organizzazzjonijiet li jiddefendu d-drittijiet tal-bniedem u l-libertajiet fundamentali. Huwa msemmi f’ġieħ il-fiżiku u d-dissident politiku Sovjetiku Andrei Sakharov u l-flus tal-premju hu ta’ EUR 50 000.

Is-sena l-oħra, il-premju ngħata lil Ilham Tohti, ekonomista Ujgur li qed jiġġieled għad-drittijiet tal-minoranza Ujgura fiċ-Ċina.