Kompromess dwar il-baġit fit-tul tal-UE: Il-PE jikseb EUR 16-il biljun aktar għall-programmi ewlenin 

Stqarrija 
 
 

Aqsam din il-paġna ma' ħaddieħor: 

  • Iċ-ċittadini se jibbenefikaw minn żidiet kbar għall-programmi ewlenin tal-UE bħal Saħħa, Orizzont (Riċerka), Erasmus+
  • Pjan direzzjonali legalment vinkolanti għall-introduzzjoni ta’ sorsi ġodda ta’ dħul tal-UE miftiehem
  • Imsaħħaħ ir-rwol tal-Parlament fl-iskrutinju tal-finanzjament għall-irkupru
  • Dispożizzjonijiet aktar b’saħħithom għall-bijodiversità u l-ugwaljanza bejn is-sessi

In-negozjaturi tal-baġit tal-PE u l-Presidenza tal-Kunsill laħqu kompromess li jwitti t-triq għal ftehim dwar il-finanzjament futur tal-UE.

Nhar it-Tlieta, wara 10 ġimgħat ta’ negozjati intensi, in-negozjaturi tal-baġit tal-Parlament qablu mal-Presidenza tal-Kunsill dwar il-punti prinċipali għal ftehim dwar il-Qafas Finanzjarju Pluriennali li jmiss (QFP 2021–2027) u Riżorsi Proprji ġodda. Il-kompromess jeħtieġ li jiġi approvat miż-żewġ istituzzjonijiet.


Il-Parlament kiseb EUR 16-il biljun aktar minn dak fil-pakkett maqbul mill-Kapijiet ta’ Stat u ta’ Gvern fis-summit tagħhom f’Lulju. EUR 15-il biljun se jmorru biex jsaħħu l-programmi ewlenin biex jipproteġu liċ-ċittadini mill-pandemija attwali tal-COVID-19, jipprovdu opportunitajiet lill-ġenerazzjoni li jmiss, u jippreżervaw il-valuri Ewropej. EUR 1 biljun se jżid il-flessibbiltajiet disponibbli biex jiġu indirizzati l-ħtiġijiet u l-kriżijiet futuri.


Il-prijorità ewlenija tal-Parlament kienet li jiżgura żidiet għall-programmi ewlenin li kienu f’riskju li jiġu sottofinanzjati skont il-ftehim tal-Kunsill Ewropew minn Lulju 2020, biex b’hekk jiġu ipperikolati l-impenji u l-prijoritajiet tal-UE, b’mod partikolari l-Patt Ekoloġiku u l-Aġenda Diġitali.


Il-fondi addizzjonali se jinġabru prinċipalment minn ammonti li jikkorrispondu għal multi tal-kompetizzjoni (li l-kumpaniji jridu jħallsu meta ma jikkonformawx mar-regoli tal-UE), f’konformità mat-talba li l-Parlament ilu jagħmel biex flus iġġenerat mill-Unjoni jibqa’ fil-baġit tal-UE.


Bis-saħħa ta’ dan il-kompromess, f’termini reali, il-Parlament Ewropew, fost affarijiet oħra, jittripplika l-pakkett għall-EU4Health, jiżgura l-ekwivalent ta’ sena addizzjonali ta’ finanzjament għal Erasmus+ u jiżgura li l-finanzjament tar-riċerka jkompli jiżdied.


Riżorsi Proprji ġodda


In-negozjaturi qablu mal-prinċipju, li l-ispejjeż ta’ terminu medju sa twil għall-ħlas lura tad-dejn mill-fond ta’ rkupru la għandhom jiġu askapitu ta’ programmi ta’ investiment stabbiliti fil-QFP, u lanqas ma jirriżultaw f’kontribuzzjonijiet ħafna ogħla bbażati fuq il-GNI mill-Istati Membri. Għalhekk, in-negozjaturi tal-PE fasslu pjan direzzjonali għall-introduzzjoni ta’ Riżorsi Proprji ġodda matul is-seba’ snin li ġejjin. Dan il-pjan direzzjonali huwa inkorporat fil-“Ftehim Interistituzzjonali”, test legalment vinkolanti. Minbarra l-kontribuzzjoni bbażata fuq il-plastik mill-2021, il-pjan direzzjonali jinkludi Riżors Proprju bbażata fuq l-ETS (Skema għall-Iskambju ta’ Kwoti tal-Emissjonijiet) (mill-2023, possibbilment marbuta ma’ mekkaniżmu ta’ aġġustament tal-karbonju fil-fruntiera), imposta diġitali (mill-2023), u Riżors Proprju bbażat fuq taxxa fuq it-tranżazzjonijiet finanzjarji (FTT) kif ukoll kontribuzzjoni finanzjarja marbuta mas-settur korporattiv jew bażi komuni ġdida għat-taxxa korporattiva (mill-2026).


Verifika ta’ kif jintefqu l-fondi tal-UE tal-Ġenerazzjoni li Jmiss: tisħiħ tal-iskrutinju baġitarju


Rigward in-nefqa tal-fondi tal-programm Ġenerazzjoni li Jmiss UE, il-Parlament żgura li t-tliet istituzzjonijiet se jiltaqgħu regolarment biex jivvalutaw l-implimentazzjoni tal-flus disponibbli fuq il-bażi legali tal-Artikolu 122. In-nefqa se tintefaq b’mod trasparenti u l-Parlament, flimkien mal-Kunsill, se jikkontrolla kwalunkwe devjazzjoni mill-pjanijiet miftiehma preċedentement.


L-istrument ta’rkupru (Ġenerazzjoni li Jmiss UE) huwa bbażat fuq artikolu tat-trattat tal-UE (Art. 122 TFUE) li ma jipprevedi l-ebda rwol għall-Parlament Ewropew. In-negozjaturi tal-PE kisbu wkoll proċedura ġdida, li tistabbilixxi “djalogu kostruttiv” bejn il-Parlament u l-Kunsill abbażi ta’ valutazzjoni mill-Kummissjoni, sabiex jintlaħaq qbil dwar l-implikazzjonijiet baġitarji ta’ kwalunkwe att legali ġdid propost abbażi tal-Artikolu 122.


Kwistjonijiet orizzontali: il-miri tal-bijodiversità, l-ugwaljanza bejn is-sessi u l-opportunitajiet indaqs


Ser jiġu implimentati metodoloġiji mtejba ta’ traċċar tal-klima u tal-bijodiversità sabiex jiġi żgurat li mill-inqas 30 % tal-ammont totali tal-baġit tal-Unjoni u l-infiq ta’ Ġenerazzjoni li Jmiss UE ser jappoġġaw l-objettivi tal-klima, u biex jinkiseb 7.5 % tal-infiq annwali ddedikat għall-objettivi tal-bijodiversità mill-2024 u 10 % mill-2026 ’il quddiem.


Prijorità orizzontali oħra fil-QFP se tkun il-promozzjoni tal-ugwaljanza bejn is-sessi u l-integrazzjoni, akkumpanjata minn valutazzjoni bir-reqqa tal-impatt fuq l-ugwaljanza bejn is-sessi u monitoraġġ tal-programmi.




It-tim tan-negozjaturi tal-PE għall-baġit fit-tul li jmiss tal-UE u r-riforma tar-Riżorsi Proprji

Johan Van Overtveldt (ECR, BE), President tal-Kumitat għall-Baġits

Jan Olbrycht (PPE, PL), korelatur tal-QFP

Margarida Marques (S&D, PT), korelatur tal-QFP

José Manuel Fernandes (PPE, PT), korelatur tar-Riżorsi Proprji

Valérie Hayer (RENEW, FR), korelatur tar-Riżorsi Proprji

Rasmus Andresen (Verts/ALE, DE)


Segwihom fuq Twitter:https: //twitter.com/i/lists/1205126942384676866?s=20



Kwotazzjonijiet


Sib id-dikjarazzjonijiet tan-negozjaturi tal-Parlament hawnhekk



Informazzjoni ta’ sfond


Dan il-qafas ta’ ftehim milħuq bejn it-tim tan-negozjaturi tal-PE u l-Presidenza tal-Kunsill għad irid jiġi approvat mill-Kunsill, mill-President tal-Parlament u mill-mexxejja tal-gruppi, u se jkun soġġett għal votazzjonijiet fil-Kumitat għall-Baġits u fil-plenarja.