EU4Health: Il-MPE jwittu t-triq għal programm tas-saħħa tal-UE effettiv 

Stqarrija 
 
 

Aqsam din il-paġna ma' ħaddieħor: 

Il-MPE jridu jsaħħu s-sistemi tas-saħħa biex jagħmluhom aktar reżiljenti fil-każ ta' kriżijiet tas-saħħa bħall-COVID-19. ©Philippe LOPEZ/AFP  
  • Jiġi stabbilit Mekkaniżmu Ewropew ta' Rispons tas-Saħħa biex jipprepara lill-EU b'mod aktar effettiv
  • Sistema Ewropea ta' monitoraġġ, rappurtaġġ u notifikazzjoni hija meħtieġa biex jingħelbu nuqqasijiet ta' mediċini u apparat mediku
  • Appoġġ jingħata għad-diġitalizzazzjoni tas-saħħa permezz ta' Rekord Elettroniku Ewropew tas-Saħħa

Biex insolvu n-nuqqasijiet li kixfet il-COVID-19 u niżguraw li s-sistemi tas-saħħa jkunu kapaċi jiffaċċjaw theddidiet futuri għas-saħħa pubblika huwa meħtieġ programm tal-UE għas-saħħa.

Nhar il-Ġimgħa, il-Parlament adotta l-pożizzjoni tiegħu fuq il-proposta tal-Kummissjoni biex iżżid sew l-azzjoni tal-UE fis-settur tas-saħħa, permezz tal-hekk imsejjaħ "Programm EU4Health" b'615-il vot favur, 34 voti kontra u 39 astensjoni.


Il-MPE jgħidu li l-COVID-19 uriet li l-UE għandha bżonn urġenti ta' programm ambizzjuż li jiżgura li s-sistemi tas-saħħa Ewropej ikunu jistgħu jiffaċċjaw theddidiet tas-saħħa futuri biex b'hekk l-UE tibqa' r-reġjun bl-aqwa livell tas-saħħa fid-dinja.


Skont il-Parlament, dan mhuwiex possibbli kieku l-baġit kellu jitnaqqas għal EUR 1.7 biljun, kif propost mill-Istati Membri. Fil-kompromess li ntlaħaq din il-ġimgħa dwar il-baġit fit-tul tal-UE, il-MPE kkonvincew lill-Kunsill l-biex il-bagit għal dan ikun ittriplikat għal €5.1 bijun.



Theddidiet transkonfinali għas-saħħa


EU4Health huwa maħsub biex jipprepara lill-UE b'mod aħjar għal theddidiet transkonfinali għas-saħħa u biex jgħin lis-sistemi tas-saħħa jsiru aktar reżiljenti. Dan għandu jippermetti li l-UE tiffaċċja mhux biss epidemiji futuri iżda wkoll sfidi fit-tul bħall-popolazzjoni li qed tixjieħ u l-inugwaljanzi fis-saħħa.


Il-MPE jridu kooperazzjoni akbar fil-livell tal-UE biex l-entitajiet differenti jkunu preparati aħjar fil-każ ta' kriżijiet tas-saħħa, u qed jappoggjaw il-ħolqien ta' Mekkaniżmu Ewropew ta' Rispons għas-Saħħa. Għandu wkoll jinħoloq portal ta' komunikazzjoni tal-UE għall-pubbliku għall-kondiviżjoni tal-informazzjoni li tkun ġiet verifikata sew, biex joħroġ twissijiet liċ-ċittadini Ewropej u biex jiġġieled d-diżinformazzjoni. Iċ-Ċentru Ewropew għall-Prevenzjoni u l-Kontroll tal-Mard (ECDC) u l-Aġenzija Ewropea għall-Mediċini (EMA) għandu jkollhom mandati aktar b'saħħithom.



Jiġi żgurat li l-mediċini u s-servizzi mediċi jkunu disponibbli u jkunu bi prezz raġonevoli fl-Istati Membri kollha


Il-kriżi tal-COVID-19 ħarġet fid-deher il-ħafna djgħufijiet tas-sistemi tas-saħħa nazzjonali, inkluża d-dipendenza tagħhom fuq pajjiżi barra mill-UE għall-provvista tal-mediċini, apparat mediku kif ukoll tagħmir ta' protezzjoni personali. Il-programm għalhekk għandu jappoġġja l-iżvilupp ta' sistema Ewropea ta' monitoraġġ, rappurtaġġ, u notifika ta' nuqqasijiet ta' mediċini, apparat mediku, vaċċini, għodod tad-djanjostika, u ta' prodotti oħra tal-kura tas-saħħa. Dan għandu jevita l-frammentazzjoni tas-suq uniku u jiżgura li dawn il-prodotti jkunu aktar disponibbli u jkollhom prezzijiet aktar raġonevoli. Il-ktajjen tal-provvista tagħhom għandhom ikunu wkoll inqas dipendenti fuq pajjiżi barra mill-UE.


Sabiex jintlaħqu l-għanijiet tal-programm, ir-rapport jipproponi wkoll aktar iffukar fuq il-prevenzjoni tal-mard billi jiġu indirizzati riskji tas-saħħa bħalma huwa l-użu dannuż tal-alkoħol u t-tabakk, sistemi tas-saħħa aktar sodi u ta’ kura tas-saħħa diġitalizzati billi jinħoloq u jiġi applikat ir-Rekord Elettroniku Ewropew tas-Saħħa. Il-MPE jridu wkoll isaħħu l-ġlieda tal-UE kontra l-kanċer f'sinerġija mal-Pjan Ewropew għall-Ġlieda kontra l-Kanċer.


Biex jiġi żgurat li l-programm jiġi implimentat b'mod effettiv, il-MPE qed jipproponu li jiġi stabbilit Grupp ta' Tmexxija li jikkonsisti minn esperti tas-saħħa pubblika indipendenti.



Kwotazzjoni


Wara l-votazzjoni, ir-rapporteur tal-Parlament Cristian-Silviu Buşoi (PPE, ir-Rumanija) qal: "Il-kriżi tal-COVID-19 kixfet il-ħtieġa għal strumenti tas-saħħa definiti tajjeb u finanzjati kif jixraq. Għandna bżonn ukoll nagħtu spinta lill-innovazzjoni u ninvestu aktar fis-saħħa b'mod ġenerali. Kien kruċjali li żidna l-finanzjament għall-Programm EU4Health min Eur 1.7 biljun għal EUR 5.1 biljun, sabiex inkunu nistgħu niffaċċjaw pandemiji futuri u theddidiet għas-saħħa, u biex nagħmlu s-sistemi tas-saħħa tagħna aktar reżiljenti."


Il-passi li jmiss

Il-Parlament Ewropew issa huwa lest biex jibda negozjati mal-Istati Membri ħalli l-programm ikun jista' jiġi implimentat mill-bidu tal-2021.

Sfond

Fit-28 ta' Mejju 2020, il-Kummissjoni ressqet Programm EU4Health awtonomu għall-2021-2027 bħala parti mill-Pjan ta' Rkupru. Il-Programm tas-Saħħa qabel kien jaqa' taħt il-baġit fit-tul tal-UE 2021-2027 inizjalment bħala element tal-Fond Soċjali Ewropew Plus (FSE+).